Lokali

“Bżonn ta’ aktar trasparenza fil-liġi” – Kamra tal-Periti

Hemm bżonn li l-industrija tal-kostruzzjoni toħroġ minn dik li l-periti qed isejjhulha “kriżi” …sabiex ma jibqgħux jintilfu l-ħajjiet bla bżonn.

Hekk stqarr il-President tal-Kamra tal-Periti Andre Pizzuto f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn. …fejn saħaq li l-Kamra tal-Periti tinsab imħassba dwar l-abboz ta’ liġi li qed tkun diskussa fil-Parlament u li jiffoka fuq il-bini u l-kostruzzjoni.

Il-Periti qed jappellaw lill-Gvern biex jemenda dan l-abbozz, bil-għan li jkun hemm iktar trasparenza.

Pizzuto qal li bħala Kamra tal-Periti talbu li jsiru laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Gvern iżda s’issa dawn l-appelli dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Il-Kamra tal-Periti tinsab imħassba wkoll dwar il-fatt li permezz ta’ din il-liġi kull poter li se jkollha l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkun jista’ jiġi delegat lil entita mhux governattiva.

Andre Pizzuto qal li l-mod kif inhi miktuba l-liġi ma tispeċifikax kif dan se jsir.

Huwa sostna li l-Periti ma jagħżlux il-kuntratturi, iżda huwa l-klijent li jagħżilhom. Għalhekk fid-dawl ta’ dan huwa neċessarju li jsir il-liċenzjar sabiex ikun hemm serħan il-moħħ dwar il-kuntratturi. 

Il-President tal-Kamra tal-Periti żied jgħid li fil-Kumitat Parlamentari, il-Kunsulent tal-Gvern il-Perit Robert Musumeci indika li l-infurzar fuq is-siti ta’ kostruzzjoni jista’ jiġi delegat lil-LESA, u dan huwa ta’ tħassib kbir għalihom.  Huwa ta’ tħassib ukoll li n-National Building Code se jinkludi kull tip ta’ regolament, bil-Kamra tal-Periti tipproponi li jkun hemm separazzjoni tar-regolamenti dwar id-disinn minn…. dawk dwar il-kostruzzjoni.

Andre Pizzuti saħaq li bħala Kamra tal-Periti jridu li pajjiżna jasal f’punt fejn iċ-ċittadin ma jibqax jgħix fil-biża’ f’daru stess.