Atletika Sport

Carla Scicluna tikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej

(Ritratt: Timothy Cutugno)

Fi tmiem il-ġimgħa fl-Istadium Matthew Micallef St. John fil-Marsa saru l-Kampjonat Nazzjonali tax-Xitwa tal-Atletika fejn numru ta’ atleti kbar u żgħar kisbu numru ta’ prestazzjonijiet mill-aqwa li jnkludu wkoll records li tniżżlu fl-istorja tal-isport.

Carla Scicluna ta’ Pembroke rebħet b’mod konvinċenti l-isprint tas-60 metru tan0nisa b’ħin ta’ 7.69 sekonda. B’dan il-ħin Carla rnexxielha tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropej indor li se jsiru f’Torun fil-Polonja ftit tal-jiem oħra. Fil-kategorija tal-irġiel, Steve Camilleri temm fl-ewwel post b’ħin ta’ 7.22 sekonda.

Mireya Cassar ta’ Pembroke wkoll irnexxielha tirbaħ żewġ titli nazzjonali fil-hammer throw b’distanza ta’ 42.96m u x-shot put b’distanza ta’ 11.15m. B’din it-tefa’ fil-hammer throw irnexxielha wkoll tikser record Nazzjonali ta’ taħt l-20 sena.

Sarah Chouhal irnexxielha ttejjeb il-ħin tat-300m hurdles b’47.85s filwaqt li Peppina Dalli ta’ Pembroke tejbet il-qabża fil-pole vault għal 3.71m.

Fil-qbiż, Claire Azzopardi u Rachela Pace, qasmu l-unuri b’Azzopardi tirbħa it-triple jum u Pace l-long jump. Fil-kategorija tal-irġiel, Ian Grech rebaħ iż-żewġ kompetizzjonjiet.

Fit-tlielaq it-twal, Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Wolves rebaħ it-3,000m bl-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 8.53.64, bl-atleta David Borg of Athletix jispiċċa t-tieni b’9.03.51.

Il-kompetizzjoni tal-5000 metru attirat parteċipazzjoni qawwija, tant li Athletics Malta għall-ewwel darba organizzat tliet heats għal-livelli differenti. Luke Micallef, ta’ Pembroke, rebaħ it-titlu b’ħin eċċellenti ta’ 14.46.59. Lisa Bezzina kkonfermat is-saħħa tagħha fuq id-distanza fost it-tfajliet, u daħlet l-ewwel Maltija b’17.28.14, wara Thalia Chorolombous ta’ Ċipru, li kienet waħda minn sitt atleti barranin mistiedna għal dan l-avveniment.

Omar El Aida Cheaffy ta’ Starmax għadda bi ftit lil Graham Pellegrini ta’ Pembroke fit-300m filwaqt li Rachid Chouhal ta’ Rush kiser ir-rekord tat-300m Over 40 b’ħin ta’ 38.25. Fl-ewwel avveniment tagħha din is-sena, Janet Richard ta’ Pembroke rebħet l-400m f’ħin ta’ 40.69, b’Martha Spiteri ta’ Żurrieq Wolves tispiċċa t-tieni.

Records oħra twaqqfu minn Luka Aras ta’ St Patrick’s fil-300m hurdles – U20, 44.55s, Andre Sciberras ta’ Allcomers Aloysians, U18 triple jump u Isaac Bonnici ta’ Rush, 600m U16 Subien. Julian Zarb ta’ La Salle kiser ir-rekord ta’ taħt is-16-il sena fl-1500m steeple chase b’ħin ta’ 4.47.46.

Fit-tmiem ta’ ġurnata mimlija attivitajiet, Andy Grech President ta’ Athletics Malta, qal: “Minkejja li kienu ħmistax ta’ sfida kbira għall-atleti u l-uffiċjali tagħna, konna sodisfatti ferm bil-mod kif tmexxew il-Kampjonati u bil-mod kif stajna norganizzaw l-avveniment f’qasir żmien u fir-restrizzjonijiet li kellna. Ninsab kburi biż-żgħażagħ tagħna li kkonfermaw il-futur sabiħ tal-atletika. Minkejja dan is-suċċess, se nerġgħu nħarsu lejn dak li sar biex naraw kif ntejbu l-organizzazzjoni f’avvenimenti fil-futur”.