Lokali

COVID-19: 193 każ ġdid u vittma oħra fl-aħħar 24 siegħa

Huma 193 il-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna li ġew irreġistrati bejn il-Ħadd u t-Tnejn.

Din iċ-ċifra ttella’ għal 21,085 in-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus f’Malta sa mill-bidu tal-firxa tal-pandemija fil-Gżejjer Maltin.

Fl-istess perjodu ta’ ħin fiequ 242 persuna biex issa huma 18,309 dawk il-persuni li fiequ.

Dan kollu tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa, fejn ġie mħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra fatalità tal-pandemija. Dan wara li raġel ta’ 96 sena tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei sabiex b’hekk, il-vittmi totali fil-Gżejjer Maltin żiedu għal 305.

B’hekk, il-każi attivi issa jammontaw għal 2,471.

Dan filwaqt li sa issa ngħataw 64,419 doża tal-vaċċin filwaqt li 20,531 ingħataw iż-żewġ dożi.

Ta’ min wieħed jinnota li minkejja l-assigurazzjoni li ingħatat il-ġimgħa li għaddiet, diversi frontliners u anke persuni vulnerabbli Għawdxin, jinsabu inkwetati għaliex sa dalgħodu stess, għadhom qed jirċievu appuntamenti biex jaqsmu lejn Malta ħalli jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima għal kontra l-Covid. B’hekk ikunu qed jesponu lilhom infushom għal aktar riskji. Dan meta fl-aħħar Bulettin Mediku, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li din il-proċedura kellha tinbidel u t-tilqim se jkun qed jingħata f’Għawdex stess.