Internazzjonali

Covid-19: L-iskejjel fir-Renju Unit se jiftħu mill-ġdid fit-8 ta’ Marzu – bil-pajjiż iħejji l-pjan għat-tneħħija tal-lockdown

L-iskejjel kollha fir-Renju Unit se jiftħu mill-ġdid mit-8 ta’ Marzu, bħala parti minn pjan speċifiku tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, Il-pjan ‘kawt’, li jibbaża fuq erba’ fażijiet, qed jaħseb biex jitneħħa l-lockdown fir-Renju Unit li għadu effettiv minħabba l-impatt tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Prim Ministru Johnson, bħalissa, qed ‘jiffinalizza’ ir-roadmap flimkien mal-Ministri tiegħu u bil-ħsieb li dan jitressaq aktar tard lid-deputati fil-House of Commons.

Mid-29 ta’ Marzu se jkun permess li massimu ta’ sitt persuni, jew żewġ familji, jiltaqgħu ma’ xulxin ‘fuq barra’. Intant, se jinfetħu wkoll xi faċilitajiet sportivi bħall-kumplessi tat-tennis u l-basketball courts – waqt li se jkunu permessi wkoll l-attivitajiet sportivi ‘organizzati’ għall-adulti u-tfal.

Madankollu l-awtoritajiet huma determinati li r-regoli tal-lockdown jitneħħew ‘b’mod gradwali u studjat’ u li n-nies josservaw dejjem sett ta’ kundizzjonijiet u regoli ‘fid-dawl tas-sitwazzjoni’.

Sadanittant, il-programmi tat-tilqim qed iħallu riżultati sodisfaċenti fir-Renju Unit. Dan meta sar-raba’ ġimgħa wara li n-nies ingħataw l-ewwel tilqima, il-każi fejn persuni infettati bil-Covid-19 kellhom jittieħdu l-isptar naqsu, rispettivament, b’85  u 94 fil-mija b’relazzjoni mal-vaċċini tal-Pfizer u AstraZeneca.

Dan waqt li analiżi ta’ Public Health Scotland uriet li l-vaċċini ta’ kontra l-Covid-19 ħallew impatt sinifikanti għall-potenzjal ta’ mard gravi li jirriżulta mill-coronavirus.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat fetħu diversi skejjel fil-Ġermanja – iżda l-uffiċjali lokali ammettew li r-rati tal-infezzjoni għadhom għolja u ‘f’livell inkwetanti’ fil-pajjiż.

Għalkemm ir-rata tal-infezzjoni fil-Ġermanja kienet bil-wisq ogħla f’Jannar, il-politiċi qed jinkwetaw minħabba li r-rati attwali ‘ftit li xejn qegħdin jiċċaqalqu – bil-Ministru Ġermaniż għas-Saħħa, Jens Spahn, jammetti dwar ‘is-sitwazzjoni frustranti’.

Fi żviluppi oħra, iċ-Ċina neħħiet l-aħħar lockdowns fl-artijiet tagħha wara li ma kien hemm l-ebda każi ta’ trasmissjoni lokali tal-marda f’perjodu ta’ 24 siegħa. Dan ħareġ mill-istatistika tal-Gvern u li ‘qed jirrifletti s-sitwazzjoni tal-aħħar ġimgħatejn fil-pajjiż’.

Fl-aħħar sigħat, il-ħajja kienet qed tirritorna għan-normal f’Hebei u Heilongjaing wara r-rapporti ta’ ġimgħat ilu dwar infezzjonijiet lokalizzati.

Iċ-Ċina ilha x-xhur timplimenta restrizzjonjiiet stretti biex tevita inċidenzi ta’ infezzjonijiet ġodda. F’każ li jinstab imqar każ wieħed tal-Covid-19, id-distrett indikat jispiċċa meqjus bħala ‘zona b’element medju ta’ sogru’ u li jirrikjedi l-infurzar ta’ miżuri assoċjati ma’ lockdown.