Internazzjonali

Dettalji tal-pjan ta’ Johnson biex ir-Renju Unit joħroġ mil-lockdown

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, għadu kemm ħabbar il-pjan tiegħu — maqsum fuq erba’ fażijiet — biex pajjiżu joħroġ mill-istat tal-lockdown dovut għall-pandemija tal-coronavirus.

L-ewwel pass — fit-8 ta’ Marzu — jara l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, b’żewġ persuni se jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien fuq barra.

Mid-29 ta’ Marzu se jkunu permessi l-laqgħat ( fuq barra) għal sitt persuni — inkella żewġ familji — bl-awtoritajiet jippermettu wkoll għall-isport li jinkludi l-futbol, il-golf u t-tennis.

It-tieni pass għandu jwassal għall-ftuħ (fl-Ingilterra) tal-istabbilimenti kummerċjali, il-ħwienet tax-xagħar, il-gymnasiums u l-istabbilimenti tal-catering fuq barra, mit-12 ta’ April. Minn dakinar għandhom jiftħu wkoll iz-zoos u theme parks madwar il-pajjiż.

‘Fażi tlieta’ tat-tneħħija tal-lockdown tibda mis-17 ta’ Mejju meta għandhom jispiċċaw il-parti kbira tar-regoli għall-kuntatti bejn in-nies — li minn dakinar stess jistgħu anki jitħalltu ma’ xulxin fuq ġewwa (iżda f’ammonti limitati).

Sadanittant, Boris Johnson qed jittama li ‘fażi erba’ — li tidħol fis-seħħ mill-21 ta’ Ġunju — tara t-tmiem tal-limiti legali kollha għall-kuntatti soċjali.

Dan meta l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq se jfasslu l-programmi rispettivi għat-tneħħija tal-lockdown fil-jiem u ġimgħat li ġejjin.