Lokali Parlament

Ħal Qormi u l-madwar jeħtieġu pulmun ambjentali msaħħaħ

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal fil-parlament li Ħal Qormi u l-irħula tal-madwar jeħtieġu li l-pulmun ambjentali li fadlilhom ikun imsaħħaħ u mhux meqrud kif qed jiġri minn miżuri tal-Gvern.

Fl-Aġġornament tal-parlament Clyde Puli tkellem dwar it-tkissir ta’ ġnien f’Ħaż-Żebbuġ u qal li t-tarmak fit-triq fejn tkisser il-ġnien kien wieħed riċenti tant li sar madwar sentejn ilu iżda dakinhar li dan sar ma nħassx il-bżonn li t-triq titwessa’. Għaliex illum allura nħasset din l-urġenza? X’kienet l-urġenza tal-lum?

Hu staqsa jekk din iż-żona issa hux se tkun populata meta din kienet waħda residenzjali u kwieta. L-arroganza toħroġ meta lanqas kien hemm diċenza li l-persuna li jieħu ħsieb il-ġnien tkun informata li se jkun hemm azzjoni mill-awtoritajiet.

Il-gafef marru filgħodu bla ma kien informat ħadd, lanqas il-Kunsill. Il-gafef ta’ Infrastruttura Malta marru bil-pulizija għax ħassew li kellhom bżonn il-protezzjoni meta l-protezzjoni kellhom bżonnha r-residenti. Infrastruttura Malta għandha wisq poteri; kif għandu l-ministru responsabbli.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ wkoll il-bypass tal-Imrieħel u qal li l-bdiewa huma imħassba li se tittieħdilhom l-art biex issir fly-over oħra. Il-kwistjoni ta’ Burmarrad ukoll fiha ħafna mistoqsijiet minħabba li hemm ġibjun kbir tal-ilma li se jitneħħa; Infrastruttura Malta qalet lill-bdiewa li issa kienu gawdew biżżejjed minn dan il-ġibjun!

Clyde Puli tkellem dwar iż-żona Tal-Ħandaq u qal li jidher li hemm xi pjani għal żvilupp f’din iż-żona. Hu staqsa x’impatt se jkollu dan l-iżvilupp għal din iż-żona industrijali.

Madwar 40% tal-merkanzija Maltija diġà tgħaddi minn Ħal Qormi u għalhekk dan hu iktar minn biżżejjed. Ħal Qormi għandu bżonn pulmum ambjentali u ħafna iktar dixxiplina. Il-ftit pulmun li fadal irid ikun protett f’Ħal Qormi u mhux distrutt, sostna Clyde Puli.