Lokali

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus trid issir bil-fatti – PN

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus f’pajjiżna trid issir bil-fatti u mhux biss billi minn żmien għal żmien jiġu aġġornati l-liġijiet ta’ pajjiżna skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Huwa kważi inutli li llum il-Parlament se jkun qed jiddiskuti emendi għall-Att kontra Money Laundering (l-Abbozz ta’ Liġi Nru 192) jekk imbagħad persuni bħal Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk involuti fil-bank Pilatus jibqgħu ma jitressqux quddiem il-Qorti biex issir ġustizzja.

Fi stqarrija li l-PN permezz ta’ Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Mario de Marco, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi u Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Industrija ntqal li l-Gvern immexxi minn Robert Abela qed ikompli fit-triq tal-Prim Ministru ta’ qablu Joseph Muscat meta għat-taparsi jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus billi jagħmel bidliet fil-liġijiet ta’ pajjiżna iżda mbagħad iħalli l-istituzzjonijiet ċassi quddiem l-iktar każijiet gravi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Dan in-nuqqas jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jinsabu maħkuma mill-Gvern Laburista u qegħdin jintużaw biex jipproteġu lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u dawk li huma l-aktar viċin tiegħu. Din is-sitwazzjoni qed tkompli tagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u b’mod partikolari lill-qasam tas-servizzi finanzjarji li minnu jiddependi eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif minkejja li ġiet konkluża inkjesta maġisterjali dwar tixħim  u ħasil ta’ flus fil-bejgħ ta’ passaporti minn Keith Schembri u Brian Tonna, sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tagħhom. Lanqas ma ttieħdet azzjoni b’rabta mal-korruzzjoni ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sidien tal-kumpaniji Egrant, 17 Black u Macbridge b’rabta ċara mal-proġett tal-power station tal-Electrogas. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll kif minkejja li ġiet konkluża inkjesta maġisterjali dwar il-bank Pilatus sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tas-sid tal-bank u dawk kollha involuti fil-ħasil ta’ flus permezz tal-istess bank.