Lokali

Il-Gvern iressaq abbozz ta’ Liġi mingħajr konsultazzjoni – Kamra tal-Avukati

Fl-2008, il-Kamra tal-Avukati ippubblikat rapport konsultattiv li kien jesprimi l-ħtieġa għar-regolamentazzjoni tal-professjoni legali u sa minn dak iż-żmien, il-Kamra ilha tfittex li tiġi stabbilita liġi ġdida li tirregola il-professjoni.

Fl-2021 il-Gvern ta’ Malta ippropona Abbozz 181 fil-parlament, maħsuba li tirregolarizza l-professjoni legali mingħajr konsultazzjoni mal-Kamra. Tnax-il sena wara li l-professjoni esprimiet il-bżonn għal regolamentazzjoni, il-Gvern ta’ Malta qed jirreaġixxi biex itaffi it-tħassib espress mir-rapport ta’ MoneyVal fuq Malta dwar kif il-professjoni legali tikkostitwixxi riskju għall-ġurisdizzjoni.

Dan huwa inkwetanti, iżda li kieku s-sejħa tal-Kamra għal regolamentazzjoni ġiet milqugħa fil-ħin, rapport bħal dan ma kienx ikun possibbli.

Il-Kamra tal-Avukati sostniet li r-reazzjoni tal-Gvern issa mhix xewqa ġenwina li jagħti widen għall-parir tal-Kamra li l-professjoni tkun regolamentata aħjar, imma tentattiv biex isodd, bl-inqas sforz possibbli, in-nuqqasijiet li ġew identifikati fir-rapport ta’ MoneyVal dwar il-professjoni kemm fil-waqt tas-sħubija kif ukoll matul il-karriera.

Din is-saga ilha tiġi sostnuta mill-Kamra b’determinazzjoni għal tnax-il sena sħaħ – għaliex huwa neċessarju fuq kollox li tiġi żgurata professjoni b’saħħitha u indipendenti.

L-anomalija f’dan kollu hija li, waqt li l-Kamra, l-organu professjonali f’dan il-qasam, kien qed jippromwovi qafas regolatorju għall-professjonisti, kien l-istat li rreżista l-bidla – sitwazzjoni straordinarja, għaliex wieħed jippretendi li, f’ġurisdizzjoni normali, il-każ ikun bil-maqlub.

Frankament, li kieku Abbozz 181 biex suppost jirregola l-professjoni kien ta’ livell sodisfaċenti, ma kienx ikun ta’ rilevanza għall-Kamra jekk tiġix addottata bis-saħħa tagħha jew tal-pressjoni minn MoneyVal.

Il-problema reali hija li l-Abbozz kif preżentat huwa mili ‘l bogħod mill-aspettattivi tal-Kamra għal struttura regolatorja xierqa għall-professjoni fl-2021.

Il-Kamra staqsiet diversi drabi għaliex il-proposti tagħha baqgħu qatt ma ġew ippubblikati. Jidher ċar li mhux il-membri kollha għandhom f’qalbhom l-interess tal-professjoni u hemm min jippreferi li jżomm l-affarijiet kif inhuma minflok jintroduċi regolamenti aktar stretti li jitolbu kont minn kulħadd.

Permezz tal-imġieba tagħhom, dawn il-membri, li m’humiex numru kbir, ħolqu aktar il-bżonn għal regolamenti aktar stretti. Għalhekk ma hija l-ebda sorpriża li huma dawn l-istess membri li qed iħabirku l-aktar biex il-professjoni tibqa’ mhux regolata.

Abbozz numru 181, sakemm ma jiġix emendat b’mod sinjifikanti, jibqa’ ma jilħaqx l-iskop proprju tiegħu.