Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jieħux azzjoni kontra l-ħasil ta’ flus; ħsara kbira lil Malta

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Gvern jibqa’ ma jieħux azzjoni kontra l-ħasil ta’ flus bil-konsegwenza li qed issir ħsara kbira lil Malta.

Fil-parlament Karol Aquilina qal li l-Gvern mhux impenjat li jagħmel il-bidliet li hemm bżonn quddiem il-ħasil tal-flus tant li qiegħed tliet xhur tard biex idaħħal id-direttiva rilevanti kontra l-ħasil tal-flus. L-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma dejjem tard; il-pajjiż ma jixraqlux hekk wara li Malta issa ilha snin fl-UE. Din il-liġi hi l-konferma li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jaħdmux tant li din id-direttiva suppost ddaħlet sa Diċembru 2020.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pieni għal dawn ir-reati huma sa €2.5 miljun u sa 18-il sena ħabs għax dawn huma reati li jagħmlu ħsara kbira fis-soċjetà. Hu qal li hawn affarijiet inkwetanti fil-ħasil tal-flus fil-pajjiż; ir-reat tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus poġġew is-servizzi finanzjarji fix-xifer.

Dan minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzjzonijiet; illum qed ibati kulħadd, sostna Karol Aquilina, li kompla li din is-sitwazzjoni ma nħolqitx mill-industrija iżda pajjiżna kiseb reputazzjoni ħażina ħafna.

L-istituzzjonijiet internazzjonali jistennew li Malta tirranġa s-sitwazzjoni u qed iħarsu lejn il-pajjiż b’suspett raġonat, sostna d-deputat Nazzjonalista, li spjega kif ir-reputazzjoni ta’ Malta tkissret għaliex seħħu affarijiet kbar minn persuni importanti fil-pajjiż.

Is-sitwazzjoni tal-ħasil tal-flus kibret minħabba dak li wettqu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keth Schembri; kieku ftit snin ilu l-gvern ħa azzjoni u neħħa lil Konard Mizzi u lil Keith Schembri waqt li Joseph Muscat warrab il-pajjiż ma kienx ikisser ir-reputazzjoni tiegħu. Minbarra li dan ma seħħx, inbniet in-narrattiva li kienet inbniet sitwazzjoni ivvintata

Karol Aquilina semma’ kif f’Lulju li għadda l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija kien qal li l-investigazzjonijiet dwar il-Bank Pilatus kienu resqin lejn l-aħħar u kienu se jitressqu n-nies fil-Qorti.

Dan ilu tmien xhur u s’issa għadu ma tressaq ħadd, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li dan kien każ klassiku ta’ ħasil ta’ flus. Dan hu bank li nħoloq apposta għal dan l-iskop; il-liċenzja kienet irtirata biss wara pressjoni mill-PN, sostna Karol Aquilina, li kompla li dan il-bank għandu rabta ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-kumpaniji fil-Panama.

Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Settembru li għadda tlestiet inkjesta maġisterjali dwar tixħim u ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Brian Tonna fil-bejgħ tal-passaporti iżda anki hawn ħadd ma sema’ xejn iktar.

Wasal iż-żmien li jkun hemm grupp ta’ maġistrati li jkunu iffukati li jagħmlu l-inkjesti maġisterjali; hemm għexieren ta’ inkjesti li għad iridu jitlestew. Hu appella biex jinħatru maġistrati inkwerenti u sostna li jekk dan isir bla dubju li jkun hemm avukati li jiggradwaw u jagħżlu din il-linja.

Karol Aquilina kompla li Konrad Mizzi ma jistħoqqlux jissejjaħ onorevoli għax għamel ħsara lil Malta flimkien ma’ Joseph Muscat u Keith Schembri. Meta se tittieħed azzjoni kontrih wara li ammetta li kellu kumpaniji fil-Panama u fi New Zealand?

Dan hu kollu daħk fil-wiċċ għax kulħadd jaf li Konrad Mizzi għamel xi ħaġa ħażina u ġiet ħażina għax qatt ma mmaġina li se jkunu żvelati d-dokumenti tal-Panama Papers. L-awtoritajiet iridu jieħdu azzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li donnu ttieħdet deċiżjoni li dawn dan ma jsir xejn.

Il-Gvern għandu jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu; l-affarijiet jiggravaw bil-mod iżda jistgħu jiggravaw ħafna. Malta għandha bżonn tgħaddi mit-test tal-Moneyval; dan hu test li ġabu fuqu l-Gvern stess, sostna d-deputat Nazzjonalista.