Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Lawrence Galea; missier id-deputat Mario Galea

Il-parlament illum sellem lil Lawrence Galea, missier id-deputat Nazzjonalista Mario Galea li miet ftit ilu b’diskorsi mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-deputat Nazzjonalista Mario Galea.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien jaf lil missier Mario Gaela, li kien raġel kwiet u tal-familja u kellu l-valuri.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li fiż-Żejtun, id-deputat Nazzjonalista Mario Galea hu rispettat ħafna kemm mil-Laburisti kif ukoll min-Nazzjonalisti. Hu qal li Lawrence Galea, missier Mario Galea, kien bniedem ta’ rispett kbir u baqa’ dejjem viċin in-nies; għalhekk kien maħbub fiż-Żejtun anki fis-snin tmenin meta kien hemm tensjoni politika fiż-Żejtun.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Lawrence Galea kien xempju ta’ irġulija, lealtà u perseveranza. Hu kompla Lawrence Galea għadda l-kwalitajiet tiegħu lill-familja fosthom lil Mario li hu persuna ħabrieka u sensittiva li dejjem ikun hemm hemm għax jaf iħobb. Biex tkun Nazzjonalist fiż-Żejtun fit-tmeninijiet ma kinitx xi ħaġa faċli, sostna Bernard Grech, li qal li missier Mario Galea baqa’ Żejtuni fid-demm minkejja li ma kienx baqa’ jgħix hemm.

Hu sostna li hu aktar diffiċli tirnexxi meta tkun ġej min-naħa t’isfel ta’ Malta u qal li missier Mario Galea xtaq jagħti parti minnu lil uliedu billi għamel l-għamra kollha lit-tfal tiegħu. Parti minnu għadha ħajja magħhom; lin-nies niftakruhom kif ikkontribwew u ħallew parti umana fina, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li missieru qatt ma ried ikun fiċ-ċentru u rringrazzja lill-President George Vella u s-Sinjura Abela li kkomunikaw il-kondjoljanzi flimkien ma’ dawk kollha li wrew is-solidarjetà tagħhom.

Mario Galea qal li jħossu umli quddiem din is-solidarjetà, li turi kemm hemm solidarjetà bejn id-deputati. Hu sostna li missieru kellu tgħoma morra tal-politika; kellu l-prinċipji tiegħu iżda qatt ma ta fastidju lil ħadd u ma kienx jitkellem dwarhom. Id-dar kien idaħħal lil kulħadd, sostna Mario Galea, li kompla li missieru ma riedx ikun kontroversjali.

Mario Galea kompla li fl-elezzjoni tal-1987, missieru, ommu u oħtu kienu ssawtu darbtejn meta marru biex jivvutaw fiż-Żejtun u fil-fattv ma vvutawx. Dkinhar missieru kien qala’ ħafna swat minn grupp żgħir ta’ nies u kellu bżonn kura medika. Il-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adam kien informa lill-Kummissjoni Elettorali b’din is-sitwazzjoni u dakinhar stess fit-8 pm kien ċempel il-Kummissarju Prinċipali Dr.George Abela li qal lill-familja Galea li kien sejjer hu personali biex joħodhom jivvutaw.

George Abela kien talabhom id-dokumenti tal-voti biex iżommhom hu u ħadhom jivvutaw billi daħal magħhom fil-post tal-votazzjoni. Missieri kien baqa’ japprezza ħafna dan il-ġest, sostna Mario Galea, li qal li missieru kellu jitlaq miż-Żejtun għax kien jobgħod l-inkwiet.

Hu semma’ kien missieru kien twerwer meta kien imsejjaħ biex jixhed fil-kaawża dwar il-corrupt practice. Minħabba l-inkwiet fil-Belt, kien ordnat li l-familja Galea titla’ tixhed skortata mill-pulizija u kien propju l-ex uffiċjal tal-Pulizija u llum Speaker Anġlu Farrugia li kien jeskorta lill-familja Galea biex jitilgħu l-qorti.

Mario Galea qal li meta kellhom jitlqu miż-Żejtun minħabba l-inkwiet, missieru kien inwketat ħafna minħabba d-dar li kellhom iż-Żejtun. Filf-att kien propju l-ex uffiċjal tal-Pulizija Anġlu Farrugia li kien assenjat biex jissorvelja din id-dar u jara li ma titkissirx. Hu sellem lill-ġenituri tad-deputati kollha u rringrazzjhom tas-sagrifiċċju li jagħmlu meta wliedhom jikkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali.