Internazzjonali

Il-Prim Ministru Boris Johnson bi pjan sabiex jibda jitneħħa l-lockdown fl-Ingilterra

L-iskejjel kollha fl-Ingilterra għandhom jerġgħu jiftħu fit-8 ta’ Marzu, filwaqt li se jitħallew isiru laqgħat bejn sitt persuni jew żewġ familji. Dan huwa l-pjan tal-Prim Ministru Boris Johnson sabiex jibda jitneħħa l-lockdown fl-Ingilterra.

Il-Prim Ministru Boris Johnson għandu jinforma lill-ministri u l-membri parlamentari rigward il-pjan tiegħu aktar tard illum filwaqt li ser imexxi konferenza tal-aħbarijiet aktar tard illejla.

Boris Johnson jisħaq li mid-29 ta’ Marzu ser jitħallew isiru laqgħat fil-beraħ ta’ sitt persuni jew żewġ familji. Huwa mifhum li dan se jinkludi laqgħat f’ġonna privati. Faċilitajiet sportivi fil-beraħ bħal tennis jew basketball courts se jerġgħu jinfetħu u l-isport organizzat għall-adulti u għat-tfal, bħall-futbol, se jerġa’ lura wkoll.

Mit-8 ta’ Marzu ‘il quddiem, l-iskejjel kollha se jiftħu u se jitħallew isiru attivitajiet ta’ sport wara il-ħinijiet tal-iskola, filwaqt li żewġ persuni se jitħallew joqogħdu bilqiegħda għal kafè, xorb jew picnic fi spażji pubbliċi. Huwa mifhum ukoll li n-nies għal darb’oħra ser jkunu jistgħu jivvjaġġaw barra miż-żoni tagħhom.