Għawdex Lokali

Inaċċettabbli li Għawdxin ikollhom imorru Malta biex jieħdu l-vaċċin

Fl-aħħar jiem, u sal-lum stess, diversi Għawdxin irċevew avviż biex jieħdu l-vaċċin f’Malta. Dan mhux aċċettabbli u juri l-inkompetenza tal-Gvern.

Il-PN fi stqarrija permezz tal-kelliem għal Għawdex Chris Said qal li Il-ġimgħa l-oħra diversi persuni vulnerabbli Għawdxin fosthom azjani t’iżjed minn 80 sena ntalbu biex imorru jieħdu l-vaċċin f’Malta. Wara li l-Oppożizzjoni tkellmet dwar dan, l-Awtoritajiet tas-Saħħa wegħdu li din se tinbidel u dawn il-persuni se jirċievu avviż ieħor biex jieħdu l-vaċċin f’Għawdex. Issa fl-aħħar jiem għalliema, LSE’s, pulizija, suldati u  diversi frontliners oħrajn Għawdxin irċevew avviż biex imorru Malta jieħdu l-vaċċin. Anke dan mhux aċċettabbli.

L-Oppożizzjoni ssostni li kull Għawdxi għandu jkollu l-opportunita’ li jingħata l-vaċċin f’Għawdex stess. Għalhekk qed isir appell biex immedjatament ma jinħarġux iżjed avviżi  biex Għawdxin jieħdu l-vaċċin f’Malta u dawk li diġa’ għandhom l-avviż jingħataw appuntament f’Għawdex.

Nappellaw ukoll sabiex jiżdied ir-ritmu li bih qed jingħata l-vaċċin f’Għawdex. Jidher li l-ammonti li qed jingħataw f’Għawdex huma baxxi ħafna u jistgħu jingħataw ferm iżjed. Għandhom jiżdiedu wkoll il-postijiet minfejn jingħata l-vaċċin f’Għawdex għaliex s’issa hemm biss il-klinika tar-Rabat u l-berġa ta’ Kercem.