Lokali Qorti

Ir-raġel mixli li qabbad appartament fil-Gżira, akkużat b’importazzjoni ta’ droga

Justin Dimech ta’ 29 sena mill-Gżira, li nhar is-Sibt 6 ta’ Frar li għadda kien mixli b’attentata ta’ qtil wara li ġurnata qabel allegatament daħal bil-forza f’appartament fil-Gżira, u tah in-nar, tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, mixli b’importazzjoni u assoċjazzjoni tad-droga kannabis.

Dak inhar li tressaq huwa ġie mixli li kien xerred il-petrol, qabbad in-nar u ħarab jiġri mill-post. Bħal ma għamel f’dik l-okkażjoni, Dimech, li ma jaħdimx u wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.  Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat qed jinżamm arrestat.

Huwa ġie mixli li wettaq ir-reat ta’ importazzjoni, assoċjazzjoni kif ukoll li ffinanzja organiżazzjoni biex iwettaq dan ir-reat. L-ewwel darba li tressaq fuq il-każ tan-nar, l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ erba’ snin favur il-vittmi fejn dik il-Qorti kienet ukoll iddikjarat l-ifriżar tal-assi ta’ Dimech.

Il-vittmi tan-nar kienu  raġel ta’ 36 sena, li huwa mifhum li huwa z-ziju tal-akkużat u mara ta’ 40 sena. Ir-raġel kien ukoll ittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn feriti ħfief.

Minn tfittxija fir-residenza, il-Pulizija kienu sabu aktar minn nofs kilogramma sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga, u l-akkużi li nħarġu huma relatati ma’ dan.

Minbarra b’pusses ta’ droga huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu droga oħra, fosthom droga kokaina. Il-Pulizija qalet li Dimech għandu l-vizzju tad-droga u kien qed ibigħ il-kannabis u mill-bejgħ tagħha kien jixtri l-kokaina.Għal Dimech deher l-Avukat Noel Bianco.