Lokali Qorti

Kumpanija tal-Istat li fittxet ħaddiem fuq pagamenti żejda, tispiċċa toħroġ aktar flus

Kumpanija tal-Istat naqset fit-talba tagħha biex tirrevoka deċiżjoni tat-tribunal li tippermetti tpaċija mitluba minn eks ħaddiem tat-tarzna wara li kien ġie mfittex għal allowance mis-servizz ċivili mħallsa żejda. Mhux talli hekk talli l-istess kumpanija b’deċiżjoni tal-Qorti se tispiċċa toħroġ aktar flus.

Resource Support and Services Ltd kienet ressqet proċeduri quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar biex titlob rimborż ta’ €3,573.51 flimkien ma’ imgħax, imħallas lil Lawrence Attard Bezzina, eks ħaddiem tat-tarzna trasferit għal mal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL) lura fl-2003.

Għat-12-il sena ta’ wara, l-impjegat kien ġie ssekondat f’diversi dipartimenti tal-Gvern, u ġie assenjat dmirijiet li jaqgħu lil hinn mill-grad tiegħu ta’ servizz ċivili.

Bis-saħħa ta’ ftehim iffirmat fl-2003, impjegati assenjati dmirijiet’ il fuq mill-grad tagħhom kienu intitolati għad-differenza fis-salarju sabiex jitqiegħdu f’parità ma’ sħabhom impjegati taċ-ċivil li jwettqu xogħol ugwali.

Attard Bezzina xehed li hu kien responsabbli biex fuq ftehim ta’ miljuni ta’ ewro f’fondi tal-Unjoni Ewropea, kien irrappreżenta lil Malta f’diversi kumitati tekniċi tal-UE u kien serva wkoll bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali fuq diversi proġetti tal-UE.

Fl-2011, bħala impjegat taċ-ċivil fi Skala 10 huwa kien mar il-Qorti tal-Ġustizzja fejn, bħala kap tat-taqsima tad-dħul spiċċa biex jimmaniġġa dmirijiet ta’ Skala 7.

Għal din ir-raġuni, intalbet allowance ta’ grad ogħla mill-awtoritajiet sa l-intitolament massimu ta’ Skala 7. L-impjegat talab ukoll allowance għall-kwalifika li, madankollu, ġiet miċħuda billi l-kumpanija sussegwentement argumentat li l-impjegati ta’ Skala 7 ma kinux intitolati għal allowance bħal din.

Wara l-irtirar tiegħu fl-2016, RSS Ltd fittxet lil Attard Bezzina għal somma mħallsa żejda permezz tal-allowance ta’ grad ogħla li kien tħallas kollu minflok pro rata, minħabba li kien irtira f’Lulju.

Madankollu, Attard Bezzina ressaq kontro-talba, u argumenta li matul il-mandat tiegħu fit-tmexxija tat-taqsima tad-dħul fil-Qrati tal-Ġustizzja, huwa ma kienx tħallas is-sehem sħiħ tiegħu ta’ allowances, u b’hekk talab €3,749 mill-kumpanija min-naħa tiegħu.

F’Lulju 2020, Tribunal għal Talbiet Żgħar kien laqa’ t-talbiet taż-żewġ partijiet, u b’hekk effettivament ippermetta tpaċija li taqleb il-miżien favur Attard Bezzina għall-bilanċ ta’ €175.49 flimkien ma’ imgħax.

RSS Ltd ressqet appell fejn argumentat li t-talba tal-akkużat kienet preskritta u li t-tribunal ma kkunsidrax kif xieraq l-evidenza kollha mressqa mill-kumpanija.

Iżda l-qorti tal-appell, ippreseduta mill-0Imħallef Lawrence Mintoff, tefgħet il-barra ż-żewġ argumenti, u kkonfermat is-sentenza tat-tribunal. Dak li insista fuq l-appellant ma kienx tajjeb u l-fatt li d-deċiżjoni tat-tribunal forsi ma setgħetx kienet ta’ dak li għoġba tal-kumpanija, ma jfissirx li t-tribunal ma kkunsidrax l-evidenza kollha mressqa mill-appellant, ikkonkludiet il-Qorti, u ordnat ukoll lill-appellant iħallas l-ispejjeż tal-appell. L-Avukat David Gatt assista lil Attard Bezzina.