Lokali Qorti

Kumpens ta’ €23,000 għal kustodju li tkeċċa inġustament

Eks-impjegat tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li kien beda proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali għal kumpens ingħata raġun u ġie ordnat li dan jingħata s-somma ta’ €23,000.

Il-Fondazzjoni akkużata argumentat li l-eks-impjegat li kien ilu jaħdem mal-Fondazzjoni bħala kustodju għal 32 sena wettaq diversi ksur matul is-snin u li l-azzjoni finali min-naħa tiegħu ma ħallietx lill-Fondazzjoni bl-ebda għażla għajr li tkeċċih.

Ir-raġel ta’ 58 sena kien ġie nfurmat bit-tmiem immedjat tal-impjieg tieghu fid-29 t’Awwissu 2017, permezz ta’ ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv u dan bħala miżura dixxiplinarja. Dan seħħ wara argument li kien inqala’ dakinhar stess, u fejn l-impjegat kien ordnat jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol.

It-Tribunal ikkummenta li filwaqt li l-imputat kien argumenta li l-eks-impjegat kien wettaq bosta prattiċi abbużivi, ir-reazzjoni tal-post tax-xogħol tiegħu f’każijiet simili għal abbużi bħal dawn kienet dejjem waħda li ma twassalx sal-punt tat-tkeċċija .

Punt li ssemma huwa l-fatt li l-bord dixxiplinarju li kien twaqqaf biex jinvestiga l-kwistjoni ma rriżulta fl-ebda miżura dixxiplinarja kontra l-impjegat. It-Tribunal iddeċieda li min iħaddem ma jistax l-ewwel jadotta attitudni li jkun ħafif wisq imma mbagħad jieħu d-deċiżjoni f’daqqa li jtemm l-impjieg.

Il-Fondazzjoni kienet naqset ukoll milli tagħti lill-impjegat l-opportunità li jiddefendi l-każ tiegħu qabel ma tkeċċa, azzjoni li t-Tribunal iddeskriva bħala mgħaġġla u bi ksur tal-prinċipju tad-dritt għal smigħ ġust.

L-impjegat ta deskrizzjoni dettaljata ta’ x’kienu d-doveri tiegħu. Qal li ma’ l-andament taż-żmien in-numru ta’ kustodji minn erba’ tela’ għal 25, kif żdied ukoll ix-xogħol fejn ġieli fil-mużew daħlu mas-6,000 viżitatur f’jum wiehed.

Huwa qal li t-tqassim tax-xoghol kien jorganiżżah a bażi ta’ roster il-‘Head Custodian’. Huwa rrakkonta kif madwar ħames snin qabel kien ilmenta miegħu dwar il-fatt li huwa kien ikun dejjem jaħdem ġewwa l-Oratorju.

Dover li kien jirrekjedi waqfin u li siequ kienet tuġgħu hafna tant li kien anke operat, fejn kien ippreżenta ċertifikati mediċi lil Anthony Casha. Stqarr li ma’ ħafna mill-kustodji kellu relazzjoni tajba ħafna minkejja li ġieli kellu xi naqra battibekki.

Tenna li xi erbat ijiem qabel tkeċċa fuq talba tiegħu, kien iltaqa’ mall-Monsinjur Victor Zammit McKeon bil-għan li jispjegalu l-kundizzjoni tax-xogħol ġewwa l-Oratorju fir-rigward tas-sħana tremenda li kien ikun hemm.

L-impjegat tenna li wara li l-istaff fil-knisja żdied peress li kien twaqqa’ l-mużew, huwa kien issugerixxa lill-Monsinjur li l-bdil fl-Oratorju jibda jsir kull siegħa peress li kien ikun hemm ħafna sħana.

Ix-xhud stqarr li din l-idea ġiet deskritta bhala bellezza mill-Monsinjur. Tenna li xi jumejn wara c-CEO u l-Mons. qalulu proset tal-idea tal-bdil, iżda xi siegħa u nofs wara l-istess CEO qal li qaltlu li dak li ngħad mall-Monsinjur ma kien jiswa xejn.

Ix-xhud stqarr li minkejja li kien anke nħareġ memo dwar il-bdil fl-Oratorju a bażi ta’ siegħa siegħa, tali arrangament qatt ma daħal fis-sehh. Huwa ddikjara li l-memo li kien ħareġ fil-21 t’Awwissu 2017 huwa qatt ma kien rah qabel ma ġie esebit waqt il-proċess.

Farrugia stqarr li wara kien mar għand it-tabib tiegħu fejn dan għamillu ċertifikat li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu ma setax jaħdem f’dak l-ambjent. Tenna li dak l-ilment kien ressqu lis-CEO ħames snin qabel tal-Awwissu 2017, fejn huwa stqarr li ‘…qisek qed tkellem lill-ħajt’.

F’dan il-kuntest huwa qal li ġieli anke talab lis-CEO li jiġi stallat apparat tal-arja kundizzjonata kif kien hemm fi bnadi oħra iżda din kienet twieġbu li ma setgħux isiru.

Dwar li dan l-ilment kien qal bih anke lil “Head Custodian”, ix-xhud qal li dan kien jipprova jirrimedja, fejn ġieli qallu li s-CEO ma tagħtix kasu. Il-kustodju qal li dakinhar li tkeċċa, quddiem il-Moninjur. Louis Camilleri s-CEO kienet staqsietu jekk skond ir-roster kienx assenjat jaħdem fl-Oratorju u huwa kien weġibha li hekk hu, pero’ minħabba ċ-ċertifikat mediku li kellu ma kienx se jmur hemm.

Huwa qal li filwaqt li kien weġibha hekk kien qalilha li setgħet tqabbdu fejn trid iżda mhux hemm. Stqarr li f’dak il-mument is-CEO qaltlu li jekk mhux se jaħdem hemm ‘..oħroġli l-barra issa….għax ha nċempel lill-Pulizija’. Sostna li ġabar l-affarijiet personali tiegħu u ħareġ.   

Dwar l-użu tal-mobile phone fl-Oratorju, il-kustodju qal li kien jaf li kien hemm direttiva biex ma jintużax‘…imma kullhadd kien juzah’.

Dan intqal fil-kuntest li fl-istess ġranet is-CEO qabditu jitkellem fuq il-mobile phone waqt li kien fl-Oratorju. Tenna li malli kien tkeċċa mill-impjieg huwa għamel sitt xhur fejn ma kien jieħu l-ebda benefiċċju u fejn kellu joħroġ ‘minn gewwa’ €11.000 sabiex għajjex il-familja.

Huwa qal li kien beda jerga’ jahdem f’April 2018. Huwa stqarr li matul dak il-perjodu ma kienx mar jirreġistra ghaliex kien ser jitpoġġa fuq Part 2 tar-Reġistru.

Ix-xhud qal li huwa fis-snin preċedenti ta’ qabel is-sena li spiċċa mix-xogħol qatt ma kien ippreżenta lill-Management b’xi ċertifikazzzjoni medika relatata ma’ xi kundizzjoni ta’ diffikultà li joqgħod fis-sħana minhabba pressjoni għolja.

Saħaq li sal-jum li kien tkeċċa hu, kienet għadha ma ħarġitx id-direttiva li ssir ir-‘rotation’ kull siegħa u kien f’dak il-kuntest illi huwa kien irrifjuta li jaħdem ġurnata sħiħa fl-Oratorju f’ambjent ta’ sħana. Ix-xhud sostna li huwa qatt ma saħaq li ma riedx jaħdem ġewwa.

It-Tribunal ikkonkluda li t-terminazzjoni kienet inġusta u ta €23,000 f’kumpens lill-eks-impjegat, wara li qieset l-età tiegħu, it-tul tal-impjieg tiegħu mal-Fondazzjoni u l-fatt li l-impjieg il-ġdid tiegħu ma kienx għal żmien indefinit. Għall-impjegat dehru l-Avukati Christine Calleja u Kirk Brincau filwaqt li għall-Fondazzjoni deheret l-Avukat Phyllis Aquilina.