Lokali Parlament

Malta għandha bżonn paġna ġdida fir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju

Kristy Debono, PN

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li Malta għandha bżonn paġna ġdida li tikkumplimenta s-serjetà li l-pajjiż irid jieħu kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Hi sostniet li l-Gvern qed jieħu attitudni laxka quddiem din is-sitwazzjoni u qalet li Malta qed tingħata twissijiet serji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Dan flimkien ma’ downgrades li qalgħet Malta wara d-diversi skandli u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; dawn kissru r-reputazzjoni tal-pajjiż. Sa Settembru li għadda Malta kienet pass wieħed biss ‘il fuq mil-lista s-sewda tal-OECD; dan ma jawgura tajjeb fejn f’dan il-mument kruċjali ftit qabel il-Moneyval.

Din hi istituzzjoni importanti ħafna u kredibbli u għalhekk hu negattvi li Malta tkun downgraded f’dan il-livell; kien konkluż li Malta ma ħaditx il-passi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-pajjiż. Malta ma żammitx il-grad tajjeb li kellha fl-aħħar seba’ snin u fil-fatt marret lura.

Il-Gvern ma kienx preparat u Malta kienet f’riskju kbir li l-pajjiż ma jgħaddix mill-eżami tal-Moneyval; id-direzzjoni tal-Gvern ma kienetx se twassal għas-sitwazzjoni mixtieqa. Il-Moneyval hu eżami kruċjali għall-pajjiż għaliex dan wera li l-pajjiż għadu mhux preparat u m’għandux ir-rieda neċessarja fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Malta qed tirriskja li tkun l-ewwel pajjiż fl-UE li tispiċċa fil-lista l-griża minħabba li hi esposta għal riskju kbir ta’ kriminalità finanzjarja.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-eżami tal-Moneyval mhux preokupazzjoni tas-settur finanzjarju biss iżda tas-settur ekonomiku kollu għaliex dan jeffettwa l-ekonomija kollha; jeffettwa x-xogħol tal-familji Maltin.

Hi senmmiet il-correspondent banking u qalet li din se tkun ferm iktar diffiċli jekk Malta ma tgħaddix mill-eżami tal-Moneyval. Is-settur bankarju bidlu l-mudell tagħhom għal wieħed iktar strett u qed jitlef il-flessibbiltà tiegħu. Is-setturi jistgħu jitilfu l-kompetittività; il-pajjiż se jkun f’sitwazzjoni diffiċli biex jattira banek ġodda lejn il-pajjiż. Dan filwaqt li l-futur tal-HSBC tkun diffiċli.

Krity Debono qalet li jekk Malta ma tgħaddix mill-Moneyval se jkun hemm setturi li jkunu effettwati negattivament; fosthom is-sovranità fiskali tal-pajjiż, it-turiżmu u l-propjetà. Malta trid tikkonvinċi bil-fatti li ma tridx tibqa’ assoċjati mal-attivitajiet irregolari fis-ettur finanzjarjru.