Lokali Qorti

Multa ta’ €20,000 fuq moħqrija ta’ annimali

Sid ta’ razzett f’Ħaż-Żebbuġ ġie mmultat €20,000 wara li ammetta li wettaq moħqrija ta’ annimali fl-Imqabba u fi bnadi oħra f’Malta, fis-7 ta’ Frar 2020 u fix-xhur ta’ qabel.

“Minkejja l-ammissjoni ferm bikrija tal-imputat, jibqa’ l-fatt li l-għemil tiegħu hu wieħed xokkanti w deplorevoli, hekk kif huwa ċar li Sergio Borg ma jiddejjaq xejn jisfrutta u jaħqar annimali sempliċement biex ikompli jħaxxen il-bwiet tiegħu minn negozju li jgħammar kemm klieb kif ukoll fniek.

“Annimali li sfortunatament inżammu f’kundizzjonijiet nieqsa minn kull iġene, fi spazju ristrett, minghajr ventilazzjoni u mċaħħda minn ikel u xorb,” qalet il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Mill-provi rriżulta li l-klieb miżmuma f’dawn il-kundizzjunijiet pjetużi kienu xejn anqas minn disa’ filwaqt li nstabu wkoll numru konsiderevoli ta’ fniek li tħallew f’gaġġeġ kollha ħmieġ.

Il-Qorti qalet li hija fid-dmir tagħti messaġġ cjar li tali aġir, nieqes minn kull ombra ta’ diċenza umana, fejn krejaturi bla vuċi jisfaw vittmi ta’ persuni bla skruplu w dan minħabba r-regħba w kilba għall-flus tagħhom, mhux se jiġi tollerat.

Borg ta’ 41 sena ammetta li ġiegħel klieb u fniek isofru minn uġigħ,  tbatija jew dwejjaq bla bżonn billi ma ħax dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex jiżgura li l-ħtieġijiet ta’ annimali li kien responsabbli, jintlaħqu kif meħtieġ

Ammetta wkoll li rabat b’katina u li żamm annimali mingħajr liċenzja, li ma avżax lid-Direttur tas-Servizzi Veterinajri fi żmien sebat ijiem minn meta kelb li kellu liċenzja jiġi trasferit minn sidu jew mid-detentur tiegħu; u li kellu fil-pussess tiegħu kelb u li ma rreġistrahx fid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji.

Li żamm klieb ristretti f’post żgħir mill-minimu permess mil-liġi b’hekk li jiġu kkawżati tbatija jew ġrieħi. Li sar reċidiv b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

F’Ottubru li għadda Borg kien ikkundannat 15-il xahar ħabs effettivi wara li nstab ħati li ħalla numru ta’ annimali fir-razzett tiegħu jgħixu bil-ġuħ u fil-ħmieġ tagħhom stess għal tliet xhur sħaħ. 

Huwa kien ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li ġiegħel klieb isofru uġigħ u tbatija bla bżonn, li abbanduna lill-istess klieb, żammhom marbutin b’katina u naqas milli jieħu ħsiebhom, u li sar reċediv fost oħrajn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Camilleri.