Internazzjonali

New Zealand: Il-poplu jfakkar it-terremot tal-2011 li kien qatel 185 fi Christchurch

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, fl-aħħar sigħat attendiet għal servizz ta’ tifkira għall-185 persuna li tilfu ħajjithom għaxar snin ilu, meta terremot li rreġistra 6.3 fuq l-Iskala Richter laqat il-belt ta’ Christchurch fost ir-riżultati katastrofiċi.

Intant il-poplu ta’ dan il-pajjiż fakkar l-anniversarju iswed b’solidarjetà sħiħa mal-għexieren tan-nies li tilfu lill-għeżież f’din it-traġedja u meta ħafna ċittadini wkoll attendew għas-servizz fost ix-xeni ta’ niket profond.

It-terremot tal-2011 kien ħalla eluf tal-midruba, b’mijiet ta’ nies, illum, jinġabru quddiem il-memorial wall (il-monument lill-vittmi) fi Christchurch biex josservaw minuta silenzju, waqt li l-bnadar tniżżlu mezz’asta.

Fl-eqqel tas-servizz, il-Prim Ministru Ardern qiegħdet girlanda tal-fjuri mal-monument li hu mnaqqax bl-isemijiet tan-nies li mietu fit-terremot storiku. Hi, waqt diskors tal-okkażjoni, qalet li ‘issa wasal iż-żmien biex in-nies iħarsu ‘il quddiem b’fiduċja fost it-tamiet għal futur aħjar għal Christchurch’, li hi t-tieni l-akbar belt ta’ New Zealand.

Madwar 87 li mietu fit-terremot ta’ Christchurch kienu barranin minn pajjiżi bħall-Awetralja, l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina. Sadanittant, eluf ta’ bini u djar kienu affettwati mit-terremot tal-2011, bil-Gvern ta’ New Zealand, wara, jibda sensiela ta’ proġetti ta’ rikostruzzjoni li għadhom għaddejjin sallum.