Lokali

AĠĠORNATA: Laqgħa taħraq tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari Laburista

Id-deputati tal-Partit Laburista qattgħu illum kważi ħames sigħat għaddejin f’laqgħa urġenti li ssejħet f’Kastilja.

Net News segwa din il-laqgħa sa mill-bidu, fejn il-crew tagħna jinsab barra Kastilja – u aktar kmieni saqsejna lis-Segretarju Rosianne Cutajar dwar l-iskandlu li qed tissemma’ fih.

Cutajar qaltilna li ma tridx tikkummenta. Dan meta ġiet mistoqsija dwar il-flus li ħadet mingħand Yorgen Fenech. Rosianne Cutajar fl-ebda ħin ma ċaħdet din l-istorja.

Aktar kmieni

Dalgħodu f’Kastilja qed issir il-laqgħa urġenti li sejjaħ il-Prim Ministru għall-Grupp Parlamentari tiegħu wara ġimgħa li fiha kien hemm akkużi serjissimi fil-konfront ta’ membru ewlenija fil-Kabinett tiegħu – Rosianne Cutajar.

L-aħbar li issejħet din il-laqgħa kienet żvelata b’mod esklussiv mill-gazzetta il-mument, għalkemm il-Ħadd il-Prim Ministru prova ibenġilha u qal li sejjaħ il-Kabinett u l-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti l-problema tal-kirjiet.

Net News jista’ jikkonferma li kuntrarju għas-soltu, Abela deher dieħel f’Kastilja qabel id-9am. Bis-sorsi tagħna jindikaw li kellu numru ta’ laqgħat fil-magħluq.

L-istess sorsi kkonfermaw li l-Grupp Parlamentari jinsab maqsum dwar il-futur politiku ta’ Rosianne Cutajar, b’Ministri bħal Justyne Caruana jitolbu li Abela jieħu azzjoni. Filwaqt li oħrajn bħal Ian Borg qed jibqgħu jiddefenduha.