Lokali

Robert Abela dahru mal-ħajt dwar il-futur ta’ Rosianne Cutajar

Wara sigħat ta’ diskussjonijiet jaħarqu f’Kastilja, ebda deċiżjoni dwar il-futur politiku ta’ Rosianne Cutajar, ebda qbil fost id-Deputati tal-Labour.

Il-laqgħa urġenti sejjaħa l-Prim Ministru Robert Abela wara ġimgħa li fiha kien hemm akkużi serjissimi fil-konfront ta’ membru ewlenija fil-Kabinett tiegħu – Rosianne Cutajar. B’Abela issa jispiċċa dahru mal-ħajt quddiem dan l-iskandlu.

L-aħbar li issejhet din il-laqgħa kienet żvelata b’mod esklussiv mill-gazzetta il-mument, għalkemm il-Ħadd il-Prim Ministru prova ibenġilha u qal li sejjaħ il-Kabinett u l-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti l-problema tal-kirjiet.

Net News jista’ jikkonferma li kuntrarju għas-soltu, Abela deher dieħel f’Kastilja fid-9am. Bis-sorsi tagħna jindikaw li kellu numru ta’ laqgħat fil-magħluq.

Fl-aħħar jiem kien konfermat kif Rosianne Cutajar daħħlet eluf ta’ ewro minngħand Yorgen Fenech fuq deal dwar propjetà fl-Imdina. Dawn l-eluf ma kienux iddikjarati fid-dikjarazzjoni tal-assi tas-sena li fiha rċeviet dawn il-flus.

Sussegwentament ħarġu wkoll aħbarijiet dwar chats li Cutajar kellha mas-sid tal-kumpanija 17 Black u mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Carauana Galiza. Ir-rapporti jindikaw li f’dawn ic-chats, Cutajar talbet lil Fenech jgħina tifinanzja survey fid-distrett.

Ghal darb’oħra, dalgħodu, Rosianne Cutajar ħarbet milli twieġeb dwar dawn l-allegazzjonijet serji. Cutajar qatt ma ċaħdet li ħadet dawn il-flus. Qalet biss illi qatt ma ħadet flus biex taġevola lil xi ħadd politikament. U jidher li l-Grupp Parlamentari jinsab maqsum dwar il-futur politiku ta’ Rosianne Cutajar, tant illi ħadd minnhom ma kkommetta ruħu dwar x’jixtiequ li jsir mis-Segretarju Parlamentari.

Rosianne Cutajar ħadet €9,000 minn ammont ta’ flus kontanti li jlaħħaq l-€40,000 mogħtija lilha minn Fenech. Dan il-ħlas allegatament sar bħala parti minn ftehim illi kien qed isir fl-2019 dwar proprjetà fl-Imdina.

Dwar dan l-istess deal sar ukoll affidavit minn sid il-propjetà, Joe Camilleri, li fih jiddikkjara li fil-preżenza tiegħu stess Rosianne Cutajar ingħatat mazz flus minn Yorgen Fenech bħala ħlas, u li anke hu stess ħallas lill-istess Cutajar b’dan il-mod. Ironikament dan l-affidavit ġie ffirmat quddiem in-nutar Ian Castaldi Paris li meta wieġeb għal domandi ta’ Net News saħaq li ma jħallatx professjoni mal-politka.

Skont dak li kien gie zvelat mit-Times, Rosianne Cutajar iltaqgħet mas-sid ta’ 17 Black f’Awwissu tal-2019 għall-iskambju ta’ flus kontanti, hekk kif ma kinux ‘il bogħod milli jiffirmaw id-deal finali. Tliet xhur wara, Yorgen Fenech ġie arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ikkummenta