Lokali

“Robert Abela mhux lest li jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ Malta” – PN

Robert Abela qed ikompli jagħżel lil Rosianne Cutajar fuq l-interess pubbliku. U meta jibqa’ ma jieħux azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar, Abela qed jibqa’ juri li mhux lest li jibgħat messaġġ qawwi lill-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li l-Gvern tgħallem il-lezzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-pajjiż, l-ekonomija u l-familji tpoġġew taħt test importanti u diffiċli għax il-Gvern Laburista qed jagħżel li jibqa’ jipproteġi lil min hu mifni b’allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Issa li Robert Abela għandu ċ-ċans li juri li huwa differenti mill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, għal darb’oħra qed jagħżel li jimxi fuq il-passi tiegħu.

Id-dmir ewlieni ta’ Robert Abela huwa lejn pajjiżna u għalhekk għandu tal-inqas jitlob lil Rosianne Cutajar tirriżenja sakemm toħroġ il-konklużjoni tal-investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan huwa l-inqas, li pajjiżna qiegħed jistenna bħalissa mingħand Robert Abela.

Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jsejjaħ lil Robert Abela biex jagħżel l-interess nazzjonali u jaġixxi b’mod li ma jkomplix jippreġudika ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.