Lokali

Rosianne Cutajar għandha tirreżenja mill-gvern u mill-Parlament – Repubblika

Hu evidenti minn dak li ġie rappurtat f’dawn l-aħħar xhur li Rosianne Cutajar kellha relazzjoni ma’ Yorgen Fenech li mhix aċettabbli u mhux kompatibbli mar-rwol tagħha ta’ Ministru tal-gvern.

Issa qed jirriżulta wkoll li ir-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech influwenzat ukoll il-kondotta ta’ Rosianne Cutajar bħala Membru tal-Parlament.

F’Ġunju tal-2019, bħala delegat tal-Parlament Malti fl-Assemblea Parliamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, qamet biex toġġezzjona għal riżoluzzjoni tal-Assemblea li semmiet il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17 Black fil-kuntest tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan kien l-unika diskors li qatt għamlet fis-snin li għamlet tirrapreżenta lill-Parlament fi Strasburgu. Id-diskors tagħha sar ftit ġranet bogħod minn dak inhar li Yorgen Fenech ħallasha talli irranġatlu biex jixtri propjetà fl-Imdina.

Fis-27 t’Ottubru 2020, bħala Deputat tal-Parlament, Rosianne Cutajar ivvutat biex ma ssirx inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas. Rosianne Cutajar kienet obbligata tiddikjara kunflitt t’interess minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech, li kien wieħed mill-fundaturi u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija bl-ishma Maltin fl-Electrogas.

Rosianne Cutajar użat il-vot Parlamentari tagħha biex tinħeba l-verità dwar x’għamel Yorgen Fenech u dan għamlitu mingħajr ma ddikkjarat l-involviment intimu tagħha ma’ Yorgen Fenech.

Rosianne Cutajar għandha tirreżenja minnufih.

Jekk ma tagħmilx dan, il-Prim Ministru Robert Abela bħala kap tal-gvern u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia għandhom jieħdu l-azzjoni li għandhom jieħdu biex jassiguraw li l-pożizzjonijiet ta’ Rosianne Cutajar jimtlew minn persuni idonei skont il-liġi.

Il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jikksunsidra dawn ir-rivelazzjonijiet bħala parti mill-istħarriġ li qed jagħmel fil-kondotta inaċċettabbli ta’ Rosianne Cutajar.

Ikkummenta