Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li qatel kelba li waddab minn għoli ta’ żewġ sulari

Raġel ta’ 50 sena residenti Marsaskala ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €8,000 mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li ħames xhur ilu qatel kelba wara li waddabha minn għoli ta’ żewġ sulari.

Il-Qorti qalet li dan huwa każ li fih Kevin Spiteri wera kattiverja w krudeltà liema bħala, meta huwa xeħet kelba minn żewġ sulari għoli u qattielha kiesaħ u biered.

“Azzjonijiet simili jneżżaw lill-bniedem minn kull ombra t’umanità, u huwa għemil salvaġġ li jkexxkex, bil-piena għandha tkun waħda li tirrifletti s-serjetà tar-reat u li tgħaddi messaġġ ċar u inekwivoku li f’soċjetà ċivilizzata għemil simili ma jista qatt jiġi tollerat.” qalet il-Qorti.

Il-Qorti qalet ukoll li mill-banda l-oħra ma setgħetx ma tagħtix piż ukoll għal dak li ġie kkonstatat mill-Uffiċjali tal-Pulizija deskritt fil-Current Incident Report fejn jidher li l-imputat kien ħa pilloli kontra d-depressjoni flimkien ma xorb alkoħoliku.

Jirriżulta li meta mitkellem mill-Pulizija ftit wara l-ħin tar-reat, Spiteri “kien jidher li ma jinsabx f’kundizzjoni tajba kif ukoll kien jidher li kien taħt dipressjoni, għax anke beda jibki għal xi ħinijiet. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni.”.

Ghalhekk il-Qorti filwaqt li ma imponietx piena karċerarja effetiva, minħabba n-nuqqas ta’ preċedenti tal-imputat kif ukoll minħabba dak li kkonstatat il-Pulizija mal-wasla tagħhom fuq il-post, tagħat sentenza sospiża fil-massimu kemm tal-piena kif ukoll tat-terminu operattiv. Ingħad ukoll li dan il-każ jimmerita multa.

Il-każ seħħ fid-19 ta’ Settembru, 2020, għall-ħabta ta’ bejn is-6.30pm u t-8.00pm. fi  Triq De Rohan, Marsascala. Il-Qorti kkunsidrat l-fatt ukoll li li l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu li tpoġġa taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien sentejn sabiex jigi segwit minn Psikjatra.

Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tintbgħat lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, lill-Ministru għall-Gustizzja, lill-Avukat Generali u lill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Kopja ta’ din is-sentenza ntbagħet ukoll lid-Direttur tal-Probation u Parole. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Zammit.