Swieqi United saħħew posthom f’ras il-klassifika tal-kampjonat FMA tal-futsal meta għelbu l-isfida ta’ Mellieħa Futsal. Hekk kif iċ-champions Luxol ma kinux impenjati matul din il-ġimgħa, anke Valletta komplew għaddejjin bit-triq tar-rebħ wara li kellhom suċċess meritat kontra St Georges.
F’din il-ġimgħa ta’ logħob li ntlagħbet fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u fil-Padiljun tal-Iskola De La Salle, anke Naxxar Lions u l-Universita’ ta’ Malta ħarġu bi tliet punti mill-konfronti rispettivi tagħhom filwaqt li Mellieħa pattew għat-telfa ta’ ftit tal-jiem qabel hekk kif għelbu lil Marsaskala.
Swieqi United komplew jikkonfermaw il-mument tajjeb li għaddejjin minnu hekk kif għelbu lil Mellieħa Futsal 5-1. Steven Camilleri kien strumentali għat-tim tiegħu hekk kif skorja doppjetta filwaqt li Rodney Debono, Eduardo Garcia u Andre Cachia niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Min-naħa l-oħra, Ervin Rigo naqqas il-marġni tal-iskor għal Mellieħa.
Valletta kisbu s-seba’ rebħa staġjonali wara li għelbu lil St Georges bl-iskor ta’ 7-2. Għat-tim mill-kapitali, din kienet rebħa importanti hekk kif se jkunu qed jaffaċċjaw lill-istess Swieqi United fil-partitissima ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej.
Valletta skorjaw il-gowls l-aktar importanti permezz ta’ tliet doppjetti ta’ Claudio Venuto, Melvin Borg u George Frendo b’Andre Ciancio jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Għal St Georges, kienu Leon Camilleri u Aaron Hili li sabu x-xibka.
F’logħba ferm divertenti li fiha rajna 11-il gowl, Naxxar Lions Futsal irnexxielhom jirbħu l-isfida iebsa li tawhom Ibraġġ Futsal. In-Naxxarin rebħu din il-partita bl-iskor ta’ 6-5 b’Jean Noel Azzopardi u Clyde Bonavia li skorjaw doppjetta filwaqt li Andrew Scerri u Isaac Delmar niżżlu wkoll isimohom fil-lista tal-iskorers.
Min-naħa ta’ Ibraġġ, Luke Camilleri skorja doppjetta, b’Ryan Buhagiar, Jurgen Gauci u Jurgen Ciantar iżidu aktar gowls.
L-Universita’ ta’ Malta kisbu rebħa tajba ta’ 4-3 kontra Żurrieq Futsal. Dan ir-riżultat kien importanti għalihom sabiex ikomplu jisfidaw għall-post fl-ewwel erba’ postijiet tal-klassifika. Ma kinitx logħba faċli għall-Universitarji li sabu lill-avversarji tagħhom determinati li jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.
Luke John Stivala skorja doppjetta għall-Universita’ filwaqt li Deane Farrugia u Mauro Sultana żiedu tnejn oħra għat-tim tagħhom. Min-naħa ta’ Żurrieq, gowls ta’ Gabriel Ghigo, Karl Sacco u Mark Fenech żammew lit-tim tagħhom fil-logħba.
Finalment Mellieħa pattew għat-telfa li kisbu tlett ijiem qabel hekk kif għelbu lil Marsaskala Futsal bl-iskor ta’ 7-1. It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta kellhom l-għatx għar-rebħa u kienu determinati sa mill-bidu b’Ervin Rigo u Ciprian Socaciu jiskorjaw doppjetta kull wieħed. Min-naħa l-oħra Elvis Pajo, Joshua Tonna u Armando Gjepali niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers. Marsaskala naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Dylan Caruana.
//= $special ?>