Lokali Parlament

Zammit Lewis jaħrab milli jwieġeb dwar kif il-ħasil tal-flus kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis llejla evita għal kollox milli jwieġeb lill-Oppożizzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu biex biex kissru r-reputazzjoni ta’ Malta minħabba n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern li jiġġieled il-ħasil tal-flus.

Fil-parlament il-kelliema tal-PN Karol Aquilina, Mario de Marco u Kristy Debono akkużaw lill-Gvern li l-każi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li seħħew taħt il-Gvern Laburisat fl-aħħar seba’ snin wasslu biex kissru r-reputazzjoni ta’ Malta.

Minbarra dan, din is-sitwazzjoni wasslet biex Malta qed tirriskja bil-kbir li titpoġġa fil-lista l-griża tal-Moneyval b’konsegwenzi ferm negattivi fuq l-ekonomija Maltija kollha.

Il-Ministru Edwrad Zammit Lewis kien mitlub mill-Oppożizzjoni biex jispjega kif minkejja li kien appuntat Kummissarju tal-Pulizija ġdid baqgħu ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, l-ex ministru Laburista Konrad Mizzi u kontra Keith Schembri. Dan filwaqt li baqgħu ma ttieħdu l-bda passi dwar l-iskandli marbuta mal-Bank Pilatus.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu l-Ministru Zammit Lewis tkellem biss dwar l-aspett itekniċi marbuta mad-direttivi kontra l-ħasil ta’ flus iżda ma ta l-ebda tweġiba dwar dak li verament qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ Malta internazzjonalment; il-ħasil ta’ flus li qed iseħħ taħt il-Gvern Laburista.