Lokali Qorti

Abbozz ta’ liġi biex titwessa’ d-diskrezzjoni ġudizzjarja dwar ksur għall-ħelsien mill-arrest esebit fil-Qorti

Talba li saret mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia biex titwessa d-diskrezzjoni ġudizzjarja fejn jidħol ksur ta’ kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti kienet esebita bħala referenza datata 15 ta’ Frar biex l-istess Qrati ma jkollhomx idejhom marbuta.

Dan anke fejn sempliċment wieħed jonqos milli jiffirma jispiċċa jitlef id-depożitu u l-garanzija personali li jkun għamel. It-talba nstemgħet quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrrera tgħid li kif inhi l-liġi ma tħalli ebda diskrezzjoni f’idejn il-ġudikanti.

Dan ifisser li jekk akkużat sempliċiment jonqos li jonora kundizzjoni, dik li jiffirma kif mitlub fl-Għassa tal-Pulzija, jitlef kemm id-depożitu kif ukoll il-garanzija personali, li f’ħafna mill-każijiet tkun tfisser telfien ta’ eluf ta’ ewro.

Għal din it-talba rappreżentat tal-Avukat Ġenerali esebixxa fil-Qorti Abbozz ta’ Liġi li tressaq fil-Parlament fit-18 ta’ Frar li għadda, u dan biex issir emenda fil-liġi f’dan is-sens.

It-talba saret f’isem Franka Ahmed Rasem ta’ 36 sena, imwieled Tripli u li huwa akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja wara li kien tressaq il-Qorti mixli bl-omiċidju ta’ raġel Kolumbjan fl-2016.  

L-Avukati tiegħu argumentaw li l-Artikolu 579 tal-Kodiċi Kriminali li kien ġie amendat fl-2015 ma jħalli l-ebda diskrezzjoni iktar f’idejn il-Qrati billi l-konfiska tal-garanzija jew depożitu irid isir ikun x’ikun il-każ, jekk hux wieħed serju jew le.

Ingħad ukoll mid-difiża li l-emenda li kienet saret tikser id-drittijiet fundamentali tal-akkużat u kull akkużat li jgħaddi minn dan il-proċess.   Fl-argumenti tagħha d-difiża għamlet ukoll referenza għall-ġurisprudenza lokali u anke dik Ewropea.

Il-Qrati dejjem saħqu li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet hekk imsejjħa prinċipali (bħal kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor) u l-kundizzjonijiet oħra imsejjħa anċillari, bħal kundizzjonijiet ta’ rinkażar u l-obbligu tal-iffirmar.

L-akkużat Franka Ahmed Rasem kien ukoll ġie kkundannat erba’ snin priġunerija għal attentat ta’ stupru f’Paceville sitt snin ilu fuq mara Svediża. Ahmed li kien residenti l-Imsida, instab wkoll ta’ attakk vjolenti indiċenti u li weġġa ’ħafif lill-vittma tiegħu.

Huwa kien instab ħati wkoll li żamm lill-mara kontra r-rieda tagħha u li wettaq reat kontra d-diċenza pubblika jew il-morali. Fil-11 ta’ Jannar 2015, il-mara kienet għamlet lejl mal-ħbieb tagħha  meta wara li xorbet xi birra u vodka flimkien ma’ xarba enerġetika, kienet ħassitha ħażina u ftit qabel il-5am iddeċidiet li tieħu taxi lura d-dar.

Fit-triq, xi ħadd kien attakkaha minn wara u ġiegħelha tinżel lejn il-bajja tal-blat ftit ‘il bogħod. Aktar tard, il-mara ma setgħetx tiftakar b’mod ċar kif kienet sabet ruħha fuq il-blat bl-akkużat jipprova jagħmel sess magħha.

Persuni li kienu għaddejjin mill-inħawi semgħu l-għajjat ​​tal-vittma għall-għajnuna u bagħtu li għall-Pulizija li mill-ewwel waslu fuq il-post. Huma sabu lill-vittma kważi bla ħwejjeġ. Uffiċjali tal-Pulizija qabdlu lil Libjan fil-fatt fejn deher jipprova jgħatti l-partijiet ġenitali tiegħu hekk kif ħass il-preżenza tal-Pulizija.

Testijiet forensiċi wrew li l-mara sofriet tbenġil fuq l-għonq u partijiet oħra ta’ ġisimha. Huwa kien ġie mixli wkoll b’theddid fuq l-eks tfajla tiegħu. Jekk jinstab ħati li kiser il-pleġġ, Rasem irid iħallas lura €30,000 f’depożitu u garanzija personali.