Lokali Parlament

Appell ieħor biex tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar reġa’ appella lill-Ministeru tal-Intern biex jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa.

Robert Cutajar qal fil-parlament li l-Pulizija ma ħadux passi f’dak li seħħ fid-Dwejra Lines u f’Ħaż Żebbuġ u quddiem l-isfreġju ambjentali li wettqu Infrastruttura Malta. Flok iddefendew lir-residenti, il-pulizija appoġġaw lil min kien qed jikser il-liġi.

Hu appella biex il-Gvern jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa u sostna li mhux veru li l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa kienet tkun magħluqa fil-passat. Minkejja li hemm il-pulizija tal-komunità, fil-Fgura l-Għassa tal-Pulizija xorta nżammet miftuħa. Iżda dan hu d-distrett tal-ministru, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex minkejja li hemm il-pulizija tal-komunità, l-Għassa tal-Mellieħa terġa’ tinfetaħ.

Il-komunità tal-Mellieħa hi preokkupata b’din is-sitwazzjoni u l-pubbliku qed jaqta’ qalbu li jagħmel ir-rapporti tiegħu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Gvern Nazzjonalista ġdid isaħħaħ il-pulizija tal-komunità u jerġa’ jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa.

Hemm ukoll petizzjoni ta’ 400 firma ta’ residenti li qed jappellaw lill-Gvern biex jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa.

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pulizija kitbet lill-Prim Ministru b’appell lejn id-djalogu soċjali fil-Korp tal-Pulizija; dan wara li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija ssospendiet il-parteċipazzjoni tgħha fil-kumitati għax dawn ma jintużawx biss għall-bżonn. Dan juri kemm m’hemmx konulstazzjoni, sostna Robert Cutajar.