Internazzjonali

Covid-19: Aktar minn 500,000 vittma fl-Istati Uniti….Il-ħarsien tad-distanza soċjali ‘għadu validu ferm’ fir-Renju Unit

L-Istati Uniti kitbet paġna sewda oħra relatata mal-pandemija tal-Covid-19 fost konferma li l-virus sewa l-ħajja ta’ aktar minn 500,000 resident f’dan il-pajjiż. L-imwiet huma l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tad-dinja u l-President Amerikan Joe Biden, waqt diskors lin-nazzjon, qal li ‘l-Amerikani ma jistgħux jaċċettaw destin daqstant krudili, filwaqt li jridu juru dejjem l-empatija ma’ kulmin ġarrab dan it-telf’.

Il-President u l-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, wara d-diskors, osservaw minuta ta’ silenzju barra l-White House. Dan seħħ waqt ċerimonja ta’ qima għall-vittmi tal-coronavirus fejn iddominaw ix-xemgħat mixgħulin madwar iz-zona.

L-infezzjonijiet ikkonfermati bil-Covid-19 fl-Istati Uniti huma fissati mat-28.1 miljuni – li wkoll hu rekord globali.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden talab ‘biex l-Amerikani jiftakru fil-vittmi tal-infezzjoni u ma jinjoraw qatt l-impenn biex jikkumbattu, kollettivament, l-effetti tal-Covid-19’. Il-President, fl-istess ħin, ħareġ direttivi biex il-bnadar kollha fuq il-bini federali f’dan il-pajjiż jittajjru mezz’asta għall-ħamest ijiem li jmiss bħala tislima lill-vittmi tal-coronavirus.

Sadanittant, l-ogħla awtoritajiet fir-Renju Unit qed jenfasizzaw il-ħtieġa għal kawtela minkejja li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, fassal strateġija li kapaċi twassal għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet (dovuti għall-Covid-19) sal-21 ta’ Ġunju –  dment li n-nies jirrispettaw bis-sħiħ il-lista ta’ kundizzjonijiet serji.

Fil-fatt, is-Segretarju Britanniku responsabbli mis-Saħħa, Matt Hancock, għamilha ċara li ‘kulħadd irid jilgħab il-parti tiegħu’ biex huma jwasslu għat-tnaqqis tal-miżuri – u eventwalment – it-tneħħija tal-lockdown.

Saret ukoll enfasi għad-distanza soċjali, b’Hanock itenni li ‘għadu kmieni wisq biex wieħed ibassar kemm se ddum din il-miżura essenzjali’. Il-Gvern, intant, qed jaħseb biex l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ, ‘il quddiem, isiru kwistjoni ta’ ‘responsabbiltà personali’ aktar milli xi ħaġa rikjesta bil-liġi.

Intant, il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qed tħejji biex tiżvela pjani għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet f’pajjiżha. Dan meta l-Iskozja qed tħejji għal ritorn lejn is-sistema ta’ ‘tier’ – jew kategoriji li jindikaw regoli differenti għall-bnadi diversi tal-pajjiż.

Fi żvilupp ieħor, il-Korea t’Isfel se tagħmel minn kollox biex tasal fil-livell ta’ herd immunity ( li jfisser li l-maġġoranza tal-poplu tkun kisbet l-immunità għall-infezzjoni) sal-ħarifa. It-tragward hu wieħed ambizzjuż minkejja li l-pajjiż beda tard bil-programmi tat-tilqim u wara li kien fost l-ewwel pajjiżi li ntlaqtu mill-pandemija matul is-sena li għaddiet.

Għalkemm il-programmi tat-tilqim qegħdin jimxu bil-mod, hu minnu li l-Korea t’Isfel għamlet żmien bħala ‘mudell’ għall-proċeduri tat-testijiet fuq livell tal-massa kif ukoll għall-miżuri aggressivi ta’ contact tracing. Issa, il-Gvern f’Seoul qed jaħseb biex ilaqqam mat-800,000 persuna matul ix-xahar id-dieħel u meta l-iskema qed tinvolvi l-vaċċini tal-AstraZeneca u Pfizer-BioNTech.