Lokali

Ebda żblokk bejn il-UĦM u l-Gvern Laburista

Ebda żblokk fit-taħdidiet bejn il-UĦM – Voice of the Workers u l-Gvern ta’ Robert Abela wara li tul il-jum tal-Ġimgħa l-Union eskalat sensiela ta’ azzjonijiet industrijali li jinvolvu aktar minn 1,300 impjegat fil-qasam tas-saħħa. Dan wara li l-Gvern Laburista injora għal kollox il-ftehim li ntrabat bih bil-miktub magħhom.

Kelliema għall-UĦM preċiżat li wara erbat ijiem, id-direttivi qed jissoktaw …. direttivi li jolqtu lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, l-istaff tal-ambulanzi kif ukoll l-impjegati ta’ Steward Healthcare.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, insista li Gvern immexxi minn Robert Abela mhux qed iżomm kelmtu ….fosthom dwar il-ħaddiema ta’ Steward Healthcare, fejn minn Jannar suppost dawn ġew assorbiti mill-Gvern – madanakollu, s’issa, minn dan għadu ma sar xejn.

Il-UHM mhux qed tifhem għal-liema raġuni l-Gvern Laburista mhux iżomm ma’ wiegħda bil-miktub li għamel magħhom ….u minflok qed jagħżel li jimxi b’mod mill-aktar anti-demokratiku.

Tul il-jum tal-Ġimgħa, Josef Vella insista li mhux qed jiġi eskluż li jitwettqu aktar azzjonijiet industrijali ta’ solidarjetà minn ħaddiema lil’hinn minn dan il-qasam. Ta’ min wieħed jinnota li dawn il-ħaddiema qed jibqghu jaqdu dmirijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Covid-19, każijiet ta’ emerġenza u pazjenti bil-kanċer.