Futbol Sport

Gowl spettakolari ta’ Olivier Giroud jagħti vantaġġ minimu lil Chelsea

(Ritratt: EPA)

F’partita li ntlagħbet fl-Arena Nationala f’Bucharest ir-Rumanija minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern Ingliż u dak Spanjol b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus, Chelsea kisbu rebħa importanti ta’ 1-0 kontra Atletico Madrid. Minkejja li ntalgħbet fi stadium newtrali, Atletico Madrid kien t-team li lagħab home u b’hekk il-kowċ Diego Simeone kien attent li ma jsofrix il-gowl, pjan li ma rnexxiex hekk kif Chelsea rnexxielhom jiskorjaw gowl importanti barra minn darhom.

Chelsea marru fil-vantaġġ fid-69 minuta hekk kif minn pass ta’ Mason Mount, Olivier Giroud xeħet ġewwa b’gowl mill-isbaħ bl-assistent referee jkun pront u jgħolli l-bandiera għall-offside, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, id-deċiżjoni kienet mibdula u l-gowl kien mogħti. Bit-tieni leg jintlagħab ħmistax oħra, Chelsea jibdew bħala l-favoriti li jikkwalifikaw hekk kif rnexxielhom jiskorjaw gowl importanti barra minn darhom.