Lokali

Ian Borg jinsisti li jagħti widen biss lil dawk il-bdiewa li skont hu “huma veri”

Il-Ministru responsabbli mit-toroq, Ian Borg, ikkonferma għal darba tnejn dak li ġimgħa ilu qal ma’ Net News – li hu jagħti każ biss lil bdiewa hekk msejħa minnu, veri.

Meta għal darb’oħra kien mistoqsi jekk hux ser ikun qed jagħti kas il-karba u l-appelli tal-bdiewa ta’ Ħal Qormi u Burmarrad  – li jinsabu bil-mannara fuq rashom bit-theddida tal-asfalt u tal-Gvern ta’ Robert Abela li ser ikun qiegħed jgħaddi romblu minn fuq arthom – Ian Borg insista fuq din id-dikjarazzjoni.

Dan filwaqt li b’din l-istqarrija l-Ministru Laburista qiegħed jagħmilha ċara li jiddistingwi bejn sidien tal-art u l-bdiewa li jaħdmu l-art agrikola tagħhom. 

U minkejja li Borg kemm-il darba saħaq li għandu kuntatt mal-bdiewa li ser jintlaqtu direttament mill-proġett tal-flyover tal-Bypass tal-Imrieħel – fejn ser tkun qed titteħdilhom l-art… dawn m’humiex biss is-sidien tal-art iżda jaħdmu l-art agrikola huma wkoll – bdiewa li jum wara l-ieħor jappellaw sabiex il-Gvern jiftaħ għajnejh u verament jieqaf ikun ta’ detriment għall-ambjent u l-prodott Malti.

Diversi residenti u bdiewa stqarrew li issa qed jirrealizzaw li l-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista li l-ambjent ikun prijorità huwa biss kliem fieraħ u għamad quddiem għajnejn il-poplu.

Il-Ministru Borg kien qed jikkummenta ma’ Net News wara li żar il-proġett tal-Marsa Junction fejn qed jitħawlu numru ta’ siġar żgħar – madanakollu mistoqsi kemm ġie jiswa dan il-proġett il-Ministru ma kienx jaf iweġibna hu.