Internazzjonali

Il-Ġorġja: Arrestat il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt rejd

Il-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni fil-Ġorġja, Nika Melia, spiċċa arrestat waqt rejd vjolenti fuq il-kwartieri tal-Partit tiegħu – u wara numru ta’ konfronti bejn is-sostenituri tiegħu u l-pulizija fil-kapitali Tbilisi.

Fl-eqqel tar-rejd, il-pulizija għall-kontroll tal-irvellijiet użaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu lill-partitari ta’ Melia, li wħud minnhom issakkru fil-kwartieri flimkien mal-Kap tagħhom. L-istat ta’ assedju intemm ladarba Melia ħareġ ‘imkaxkar’ mill-bini fost ir-rabja tan-nies li kienu miġburin fuq barra.

Il-każ kontra Melia jmur lura għal żmien il-protesti kontra l-Gvern tal-2019 iżda llum għandu sinifikat jerġa’ akbar minħabba li l-Ġorġja, bħalissa, għaddejja minn kriżi politika akuta. Fl-aħħar xhur spikkaw il-protesti kontinwi fil-pajjiż  mindu l-Oppożizzjoni akkużat lill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana fil-Gvern b’li ‘bagħbas’ l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru li għadda.

Proprju l-ġimgħa l-oħra, Giorgi Gakharia irriżenja minn Prim Ministru minħabba direttiva tal-qorti biex hu jarresta lil Melia. Gakharia kien qal li pass bħal dan ‘iwassal għal eskalazzjoni politika fi żmien meta l-pajjiż ma jiflaħx għaliha’.