Lokali Qorti

Il-“Koħħu” kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lil Daphne Caruana Galizia

Vince Muscat ta’ 58 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia. Hekk kif huwa ammetta r-reati kollha konnessi ma’ dan il-każ huwa ma ngħatax il-piena massima, dik ta’ għomor il-ħabs.

Il-Qorti Kriminali qalet li kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-informazzjoni li ra kienet utli biex dan il-każ jissolva fejn ġew arrestati persuni oħra inkonnessjoni mal-każ. Sadanittant il-Qorti kienet informata li Muscat ma kienx se jappella mis-sentenza.

Is-sentenza ingħatat wara li f’termini legali sar patteġġament (ftehim) fuq il-piena. Dan peress li Muscat ta’ nformazzjoni wkoll utli mhhx biss fuq dan l-omiċidju iżda wkoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015.

Wara li fil-bidu tas-seduta Muscat ammetta l-akkużi, l-Imħallef Edwina Grima għal diversi drabi staqsietu jekk kienx ċert li ried jammetti u dan għaliex hemm imdendla piena ta’ għomor il-ħabs.

L-Imħallef Grima ħadet nota tal-ammissjoni ta’ Muscat u staqsitu jekk jifhimx il-gravità ta’ dak li qed jgħid. “Tixtieq li jinqarawlek l-akkużi.? Qaltlu l-Imħallef. “M’hemmx bżonn,” huwa wieġeb.

L-Imħallef kompliet: “dawn huma akkużi gravi”. Muscat wieġeb li huwa deċiż: “Ħati iva”, huwa qal. L-avukat ta’ Vince Muscat, Marc Sant, ikkonferma lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien qed jirreġistra ammissjoni u li huwa qed iwieġeb ħati tal-akkużi kollha. Is-sentenza mistennija tingħata għall-ħabta tat-3,00pm.

Fil-fatt eżatt wara li ammetta bdew isiru s-sottomissjonijiet fuq il-piena mid-difiża u l-Prosekuzzjoni, bl-Avukat Elaine Mercieca titlob biex dawn jinstemgħu bil-magħluq minħabba d-delikatezza għal dak kollu li jista jingħad. Il-Qorti laqgħet it-talba.

Informazzjoni fuq il-qtil tal-Avukat Chircop

Mhux eskluż li r-raġuni li s-sottomissjonijiet saru bil-magħluq huwa għall-fatt li Vince Muscat seta’ għadda xi nformazzjoni ta’ utilità lill-Pulizija, u għalhekk jista’ jkun hemm kalibrazzjoni fil-piena, bil-“Koħħu” mhux jevita piena ta’ għomor l-ħabs, imma piena ta’ 30 sena ħabs li kemm il-darba ngħatat f’każijiet ta’ omiċidju.

Minn informazzjoni li għandna jidher li Muscat, li kien ukoll għamel talba biex jingħata l-proklama fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia, ta informazzjoni utli lill-Pulizija li tista’ twassal biex jiġi solvut il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, li kien ukoll il-President tal-Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara nqatel fit-8 ta’ Ottubru.

L-Avukat Carmel Chircop, President tal-Banda Duke of Connaught għall-aħħar għaxar snin, inqatel kiesaħ u biered fi sparatura li seħħet għall-ħabta tas-7.30 ta’ filgħodu fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. L-Avukat kellu 51 sena u joqgħod Birkirkara stess, qrib il-Knisja ta’ San Pawl.

Il-vittma kien instab fl-ewwel sular fid-daħla ta’ kumpless ta’ garaxxijiet mifruxa fuq erba’ sulari, li jinsabu qrib l-Iskola Primarja tal-lokal. B’kollox kienu sparati erba’ tiri, bil-vittma jintlaqat minn tir f’ġenbu u ieħor f’sidru.

L-Avukat Carmel Chircop inqatel hekk kif daħal fil-kumpless ta’ garaxxijiet li hemm fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. Il-garaxx tal-Avukat Carmelo Chircop jinsab fl-ewwel sular hekk kif tidħol f’dan il-kumpless. Jistennih fil-viċinanzi fl-istess daħla tal-kumpless tal-garaxxijiet kien hemm il-qattiel jew qattiela tiegħu li ħasduh u qatluh.

L-allegati fornituri tal-bomba arrestati

Sadanittant kien issemma wkoll il-fatt li l-familja ta’ Vince Muscat kienet ġiet offruta flus biex ma jħalluhx jiżvela informazzjoni li tista’ timplika lill-fornituri tal-bomba użata biex tinqatel lill-ġurnalista investigattiva.

Huwa mifhum li Muscat ta nformazzjoni utli lill-Pulizija li wasslet g]all-arrest ta’ persuna li jiġġestixxu l-kumpanija Maksar. Muscat kien qal lill-Pulizija li Robert Agius ħuh Adrian u Jamie Vella, tal-Maksar kienu fornewlhom l-apparat splussiv.

F’Diċembru tal-2019 u fi Frar tas-sena l-oħra, Melvin Theuma, fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech, qal li Fenech talbu biex isib u jikkuntattja familja magħrufa bħala Ta ’ Maksar.

Theuma kien qal li ma jafx lil din il-familja. Kien xehed ukoll kif hu dejjem sema’ lil Yorgen Fenech jgħid li l-bomba biex tinqate;l lil Daphne Caruana Galizia saret minn Ta’ Maksar, familja miż-Żebbuġ, Malta. Kollox jindika li nformazzjoni aktar konkreta

Kien fil-5 ta’ Diċembu tal-2017 li Vince Muscat tressaq il-Qorti flimken mal-aħwa Degiorgio mixli bil-qtil ta ’Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Dikarazzjoni tal-familja Caruana Galiza fil-Qorti mill-Avukat Jason Azzopardi

L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja Caruana Galizia għamel dikjarazzjoni fil-Qorti fejn qal li huwa kien se jitkellem dwar li l-familja tal-vittma talbuh biex iwassal.

Qal li persuna li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ċaħdilha d-dritt tal-ħajja tagħha, u ċaħdilha d-dritt li tgawdi l-familja u n-neputijiet tagħha li twiedlu wara li nqatlet.

Kompla li l-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia kien intenzjonat u jmissu ġie evitat. Il-vittma ħallset b’ħajjitha u l-familja qegħdin iħallsi bit-telfa tal-għażiża tagħhom.

“Għidt dan kollu għax kieku l-familja tagħha kellha tirrispondi għal dan il-patteġġjament abbażi tal-emozzjoni biss, huwa ovvja x’kienet se tkun ir-risposta tagħha. Pero f’dawn iċ-ċirkostanza u ġaladarba nfurmata mill-Avukat Ġenerali bil-proċess f’dan il-każ, il-familja tesprimi t-tama li dan il-pass jibda jwassal għall-ġustizzja sħiħa għal Daphne Caruana Galizia”, temm jgħid l-Avukat Azzopardi.

Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Grima qieset ukoll l-ammissjoni tas-sitt kapi ta’ akkuża, dik li qatel permezz ta’ bomba ftit qabel it-3.00pm. qatlet lil Caruana Galizia ta’ 53 sena, li heżżet l-inħawi tal-Bidnija fis-16 ta’ Novembru tal-2017.

Akkużi oħra kienu li akkwistaw bomba biex il-qattiela akkwistaw bomba f’dan il-qtil premedita u li fis-satra tal-lejl poġġewġa mal-karozza li nstaqet mill-vittma, li żammew taħt il-kontroll tagħhom sustanza splussiva, ,li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bil-għan li jsir delitt, li ffinanzjaw għaqda kriminali biex iwettqu reat.

L-akkużati l-oħra, Alfred Degiorgio ta’ 55 sena, magħruf bħala ‘ il-Fulu ’u ħuh George Degiorgio ta’ 57 sena magħruf bħala ‘ic-Ciniz’ għadhom qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Għalihom qed jidher l-Avukat William Cuschieri.

It-tlieta huma ġew akkużati bi qtil, konspirazzjoni, li jiffurmaw parti minn grupp kriminali, li użaw splussivi biex joqtlu, li kellhom fil-pussess tagħhom splussivi u li saru reċidivi.

It-tliet irġiel irritornaw fil-Qorti wara li l-avukat ta’ wieħed minnhom, Muscat – għamel talba b’urġenza li jidher quddiem l-Qorti “kemm jista’ jkun malajr ”.

It-tlieta irġeil kienu fost grupp ta’ 10 irġiel arrestati f’operazzjoni li kienet tinvolvi l-pulizija, il-Forzi Armati u s-servizzi sigrieti. Dan inkluda rejd fil-Lighters Wharf fil-Marsa fejn, huwa kien maħsub, il-‘gang’ iddiskuta u ppjana l-qtil. Is-seba’ l-oħra kienu inħelsu fuq Police Bail tal-Pulizija.

Ir-raba persuna b’rabta ma’ dan il-qtil, Yorgen Fenech kien tressaq kważi sentejn wara li tressqu Muscat u l-aħwa Degiorgio. Fenech kien tressaq fit-20 ta’ Novembru, 2019 u ġie mixli b’komplicità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huwa wkoll wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih, li jinkludu l-promozzjoni jew il-finanzjament ta’ organizzazzjoni kriminali u konspirazzjoni biex jitwettaq reat.

Jekk jinstabu ħatja, huma jispiċċaw jiġu kundannati għal għomorhom il-ħabs. Involut f’dan il-qtil kien hemm ukoll il-middleman Melvin Theuma, u li iżda ngħata l-proklama mill-istat bi skambju għal informazzjoni dwar il-każ. Għall-familja Caruana Galizia qed jidher l-Avukat Jason Azzopardi bil-Prosekuzzjoni titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.