Lokali

Il-Ministru Bartolo mhux kapaċi jwieġeb dwar ir-riżenji fil-Gvern

Żewġ riżenji oħra għal Robert Abela – żewġ riżenji mill-qalba ta’ Kastilja u persuni promimenti sew fil-magna tal-propaganda politika; Sandro Craus u Nigel Vella.

Craus, li sa ftit tal-jiem ilu kien responsabbli mill-Customer Care tal-Uffiċju tal-Prim Ministru huwa l-istess persuna li Melvin Theuma indika bħala l-uffiċjal li rranaġalu biex jiltaqa’ mal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, u li tah il-job mal-Gvern.  L-istess persuna, li skont il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħa l-famuż ritratt ta’ Theuma ma’ Keith Schembri fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja.

Taħt ġurament, Craus qal li ‘nesa’ li għamel dan kollu.

Nigel Vella fi ftit snin avvanza minn Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, għal Vici Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja, u sentejn ilu tpoġġa Gvernatur fuq l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali Maltija; l-awtorità  li tirregola l-qasam tal-blockchain f’pajjiżna.

Affaċjajna lil Ministru Clayton Bartolo dwar dawn l-aħħar riżenji. Izda fit-twegibiet tieghu baqa’ jirrepeti l-istess kliem għal darba darbtejn.

Filwaqt li Nigel Vella jidher li għandu postu lest diġà fil-Malta Enterprise, Sandro Craus se jkun qed jieħu ftit taż-żmien għall-mistrieħ. Iżda hu mifhum li anke hu se jingħata job ieħor mal-Gvern.