Lokali

Il-PN se jkompli jkun ta’ spalla għal min twarrab mill-Gvern – Bernard Grech f’Ħaż-Żebbuġ

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozjanti u l-familji tagħhom li qed iħossuhom imwarrba mill-Gvern quddiem l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

Dan kien il-messaġġ ta’ kuraġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal waqt li kien qed idur fost in-negozjanti u l-bejjiegħa tal-Monti f’Ħaż-Żebbuġ.

Akkumpanjat mid-Deputati u Kandidati tad-distrett, kif ukoll minn membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech sema’ kif il-familji qed jistennew li jsibu spalla aktar soda mill-politiċi.

Fost l-oħrajn, qed jistaqsu x’se jiġri mill-wage supplement, hekk kif lanqas jafu jekk jistgħux ikomplu jlaħħqu mal-ispejjeż bin-nuqqas ta’ dħul ikompli jkarkar.

Fl-aħħar ġimgħat, it-tħassib ta’ dawn in-negozanti kienet riflessa wkoll f’diversi stħarriġ, fosthom tal-Kamra tal-SMEs, li wera kif żewġ terzi tan-negozji żgħar u medji qed jibżgħu li mhux se jkampaw matul din is-sena, jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx.