Internazzjonali

Ingilterra: Il-Prinċep Philip mhux mistenni joħroġ mill-isptar għalissa

Il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, qed ikun trattat għal infezzjoni u mhux mistenni li joħroġ mill-isptar qabel jgħaddu xi ftit ġranet oħra. Dan sar magħruf permezz ta’ stqarrija speċifika mill-Palazz ta’ Buckingham.

Philip, li għandu 99 sena, kien iddaħħal l-isptar f’Londra nhar it-Tlieta bħala prekawzjoni wara li hu ħassu ma jiflaħx u issa sar magħruf li l-kundizzjoni tiegħu hi ‘stabbli’ u qed iwieġeb tajjeb għat-trattament.

Is-sorsi qrib il-Familja Rjali qalu wkoll li d-Duka ta’ Edinburgh jinsab ‘ħerqan’ li joħroġ mill-isptar u qed iħossu ‘ħafna aħjar milli kien’.

Id-Duka u martu, ir-Reġina Eliżabetta, ingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19 proprju x-xahar li għadda, Intant, is-sorsi qed jagħmluha ċara li l-kundizzjoni attwali ta’ Philip ‘bl-ebda mod mhi relatata għall-coronavirus’.