Lokali

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jiġi diskuss b’mod urġenti – PN

"Il-membri tal-Gvern għandhom jieqfu jipproteġu lil Joseph Muscat"

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar il-każ li fih ġurnalisti ġew imsakkra fil-Berġa ta’ Kastilja kontra r-rieda tagħhom għandu jiġi diskuss b’urġenza mill-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Hekk sostnew il-Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia fejn saħqu li dan ir-rapport wasal għand il-membri tal-Kumitat Permanenti nhar il-Ħamis 11 ta’ Frar 2021.

Huma sostnew li wara ftit tal-jiem u peress li ma ġiet imsejħa l-ebda laqgħa, bħala membri tal-Oppożizzjoni tlabna li ssir laqgħa urġenti tal-Kumitat biex jiġi deċiż jekk dan ir-rapport għandux jiġi ppubblikat, issir preżentazzjoni dwaru mill-Kummissarju George Hyzler u tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk ir-rapport għandux jiġi addottat u x’sanzjonijiet għandhom jiġu imposti.

Din it-talba reġgħet saret nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Frar 2021 bl-Ispeaker Anġlu Farrugia jissuġġerrixxi numru ta’ dati fil-viċin biex tkun tista’ ssir il-laqgħa.

S’issa l-membri tal-Gvern għadhom ma kkonfermawx li lesti jattendu u jipparteċipaw f’din il-laqgħa.

Huma saħqu li minkejja li din it-talba saret aktar minn darba, s’issa għadhom ma ġew iffissata l-ebda data u ħin għal laqgħa u dan minkejja li bħala membri f’isem l-Oppożizzjoni aħna poġġejna lilna nfusna disponibbli biex din il-laqgħa ssir b’urġenza.

Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li l-Ispeaker Anġlu Farrugia qed jagħmel ħiltu biex din il-laqgħa ssir mill-iktar fis possibbli iżda l-membri tal-Gvern m’humiex qegħdin jikkoperaw.

“Huwa ċar li l-membri tal-Gvern ma jridux li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar dan il-każ jiġi diskuss b’urġenza u qed jippruvaw iġibu fix-xejn il-ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. “

Il-membri tal-Gvern qegħdin jagħmlu minn kollox biex jipproteġu lil Joseph Muscat kif diġà għamlu f’każijiet oħra li ġew investigati u deċiżi mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia saħqu li dan mhux aċċettabbli u għalhekk qegħdin mill-ġdid pubblikament nitolbu lill-Ispeaker Anġlu Farrugia sabiex minnufih isejjaħ laqgħa tal-Kumitat biex jiddiskuti u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn dwar dan ir-rapport.