Lokali

Ivvandalizzat il-mafkar tal-ħames żgħażagħ li 15-il sena ilu tilfu ħajjithom traġikament f’Ħaż-Żebbuġ

Mafkar li jfakkar lill-ħames żgħażagħ li 15-il sena ilu tilfu ħajjithom traġikament f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ spiċċa vvandalizzat minn persuna jew persuni mhux magħrufa.

Ritratti li rċieva NET News juru kif, għal xi raġuni, intefa’ xi ġebel fid-direzzjoni tal-mafkar tal-irħam, filwaqt li r-ritratti ta’ tnejn mill-vittmi nqalgħu u ntremew mal-art. Fil-mira tal-vandali spiċċaw ukoll il-kontenituri li kienu jitpoġġew fihom xemgħat u fjuri.

Fl-1 ta’ Ottubru 2005, David Sacco ta’ 13-il sena u Fabio Magro ta’ 16-il sena, kif ukoll Osvaldo Vella, Christian Camilleri u Marco Abdilla ta’ 17-il sena kienu fi triqthom lejn id-dar minn barbecue. Madankollu, sfortunatament, il-vjaġġ kien inbidel f’wieħed traġiku, bil-ħames żgħażagħ jitilfu ħajjithom fil-post.

Il-pjaga għall-qraba u l-ħbieb taż-żgħażagħ għadha miftuħa sal-lum, bl-att vandalu li seħħ fl-aħħar sigħat ikompli jkabbrilhom l-uġigħ.