Lokali

AĠĠORNATA: Rapporti jippuntaw lejn persuna li kienet imdaħħla fil-politika

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma numru ta’ rapporti fuq il-midja lokali li l-Pulizija arrestaw għadd ta’ persuni wara li Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, ingħata l-proklama b’rabta mal-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop, li seħħ f’Birkirkara lura fl-2015.

Dan filwaqt li sar magħruf li l-Pulizija fl-aħħar sigħat intensifikat l-investigazzjonijiet b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ta’ min wieħed jinnota li aktar kmieni tul il-jum tat-Tlieta Muscat ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista u ngħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija.

Robert Abela saħaq li preżentament għaddejjin l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ aktar omiċidji u ma żbilanċjax ruħu dwar liem każi partikolari qed jinvestigaw il-Pulizija.

Rapporti persistenti qed jindikaw li Vince Muscat indika isem ta’ persuna li kien involut fil-politika, u li kien imdaħħal f’każi ta’ kriminalità organizzata. Iżda dwar dan…il-Prim Ministru qal li l-informazzjoni li għandu s’issa ma turix hekk.

Dan filwaqt li l-Prim Ministru sostna li m’hemm ħadd aktar f’dan il-waqt li qed jitlob proklama.

Robert Abela spjega li l-kundizzjonijiet tal-proklama ta’ Vincent Muscat huma tnejn; li jgħid il-verità kollha kif ukoll li Muscat jirritorna r-rikavat kollu li daħħal mill-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop.

Mistoqsi għaliex ħlejna 3 snin qabel saru l-arresti tal-persuni li ssuplixxew l-isplużżiv, il-Prim Ministru naqas milli jwieġeb. Qal biss li dan l-omiċidju “ġab dispjaċir”.