Lokali

“L-assigurazzjoni tal-kwalita’ u l-ħarsien tas-saħħa waqt it-tilqim huma ta’ prijorita’” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li s-suċċess tal-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni kontra l-pandemija tal-COVID-19 jiddependi minn fatturi importanti fosthom il-loġistika li tintuża waqt il-protocol. L-effiċjenza u l-assigurazzjoni tal-kwalita’ u l-ħarsien tas-saħħa waqt it-tilqim huma ta’ prijorita’.

In-nuqqasijiet serji fis-sistema tar- roll out tal-vaċċin iridu jiġu indirizzati, u dan għaliex ma jistawx jaqgħu lura l-anzjani jew persuni vulnerabbli li qegħdin jiġu maqbuża minħabba problemi ta’ data. Minbarra hekk, il-postijiet allokati għall-għoti tat-tilqima iridu jirrispettaw ir-regoli tas-saħħa pubblika sabiex jiġi evitat iffullar żejjed f’dawn il-postijiet, flimkien ma’
komunikazzjoni aktar effettiva bejn il-Gvern u l-istakeholders sabiex l-ippjanar isir f’waqtu.

Kif diġa saħaq il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista, l-użu tat-tobba tal-familja u l-ispiżeriji fil-komunita’ huma għodod importanti sabiex jitħaffef il-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni. It-tilqim f’Għawdex għandu jingħata permezz ta’sistema aħjar bil-possibilita’ li ħaddiema u residenti jinqdew f’posthom. Dan għaliex li persuni, bħal pulizija Għawdxin, li qegħdin jintbagħatu Malta sabiex jieħdu l-vaċċin hi għal kollox assurda u riflessjonijiet tan-nuqqasijiet serji f’dan l-istess programm.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Gvern għal trasparenza assoluta f’dan il-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni, anki permezz ta’ iktar effiċjenza fil- contact tracing li bħalissa huwa kkollassat, għaliex b’hekk biss jistgħu jintlaħqu l-miri u l-għanjiet sabiex nikkontrollaw din il-pandemija.

Għalhekk minn jamministra għandu r-responsabbilita’ li jħares il-proċess u
jassigura l-integrita’ sħiha tiegħu.