Lokali Qorti

Mhux ħati li kkorrompa uffiċjali pubbliku biex jikseb il-liċenzja tas-sewqan

Joseph Attard ta’ 42 sena ma nstabx ħati li kkorrompa uffiċjal pubbliku biex tinħariġlu l-liċenzja mingħajr lanqas biss joqgħod għal eżami. Huwa ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li bejn l-2006 u l-2008, rrenda ruħu kompliċi ma’ Francis Catania meta tah xi flus għal vantaġġ tiegħu.

Dwar dan il-każ kienu tressqu numru ta’ persuni nkluż Catania, u li ma kienux instabu ħatja, fosthom ukoll ċertu Adrian Butigieg Hili fuq reati simili.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li apparti x-xhieda tal-Uffiċjal Prosekutur Antonovich Muscat u xhud ieħor li kkonferma li ma nstabu l-ebda records fi ħdan it-Transport Malta li juru li Attard qatt għamel l-eżami sabiex jikseb liċenzja tal-muturi, l-uniċi xhieda rilevanti kienu dawk ta’ Francis Catania, l-istqarrija tal-imputat, kif ukoll ta’ ċertu Kurt Borda, li wkoll kien qed jiġi allegat li kien se jikseb liċenzja mingħajr ma qagħad għal eżami.

Il-Qorti qalet li kien hemm allegazzjonijiet illi xi liċenzji tas-sewqan ġew misjuba b’xi illegalitajiet fihom u li t-teżi tal-Prosekuzzjoni hija fis-sens illi l-imputat kiseb l-liċenzja billi avviċina persuna li taħdem Transport Malta.

Skont il-Prosekuzzjoni din kienet qaltlu li kienet se tgħinu sabiex jottjeni din il-liżenzja u peress li Attard ma għamilx l-eżami, xi ħaġa li hija neċessarja għall-ħruġ ta’ tali liċenzja, dan kollu jiġġustifika l-akkużi.

Il-Prosekuzzjoni allegat wkoll illi l-imputat ħallas sabiex tinħareġ liċenzja lil Kurt Borda. Madankollu mill-provi prodotti ma ħareġ minn imkien li l-imputat ħallas lil Francis Catania sabiex jikseb din il-liċenzja.

Dan huwa ikkonfermat mill-istqarrija tal-imputat li kienet giet irrilaxxjata b’mod volontarju u bil-kawteli kollha. Huwa kien stqarr li qatt ma ġie mitlub u l-anqas għadda xi flus jew xi vantaġġ ieħor lil Francis Catania. Dan qalet il-Qorti huwa fatt, li l-anqas ma ġie ippruvat mill-Prosekuzzjoni li seħħ mod ieħor.  

Sadanittant mix-xhieda tax-xhud prinċipali Francis Catania, wara li l-proċeduri kontrih kienu konklużi ħareġ illi huwa kien jaf lil Joseph Attard imma mix-xhieda tiegħu ħareġ illi kull ma għamel lil Joseph Attard kien ‘renewal’ tal-liċenzja u bdil fl-indirizz tiegħu u li dan ma kienx jirrikjedi l-ebda ħaġa oħra.

Dan jgħid illi għar-‘renewal’ l-imputat kien ħallas il-miżata applikabbli mhux lilu imma lill-ADT.  Fuq Borda, Catania qal li dan ma kienx jaf min hu u allura ma kellux xi jgħid xejn fuqu.

Il-Qorti qalet li għalhekk, meta jitnaqqas il-valur tal-istqarrija tal-imputat kull ma hemm f’dawn il-proċeduri huma fatturi sporadiċi u bla l-ebda bażi legali u li ċertament ma jikkonkludux illi kien hemm xi flejjes jew xi vantaġġi minn jew lejn l-imputat lil Francis Catania.

Għadaqstant il-Prosekuzzjoni ma rnexxiliex tipprova l-każ tagħha oltre d-dubju dettat mil-liġi. Għal dawn il-motivi ma ssibx lil Joseph Attard ħati tal-akkużi kif dedotti kontrih u tilliberah minnhom.