Lokali

Numri li jikkonfermaw il-bżonn ta’ azzjoni

Il-vetturi fit-toroq Maltin qed ikomplu jiżdiedu; konferma li t-traffiku fit-toroq taghna mhux perċezzjoni.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw li bejn Ottubru u Diċembru tal-2020 fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati bhala vetturi liċenzjati ġodda, aktar minn 5,300 jew aħjar medja ta’ 58 vettura ġdida kuljum. Dan filwaqt li sal-aħħar ta’ Diċembru l-ammont ta’ vetturi fit-toroq Maltin kien jiżboq l-402,000 ….fejn madwar 60% minnhom jaħdmu bil-petrol u 39% oħra jaħdmu permezz tad-diesel.

Minn dan l-ammont huma biss ftit aktar minn 1% il-vetturi fit-toroq Maltin li jaħdmu permezz tal-elettriku jew fuq bażi hybrid.

Din iċ-ċifri tikkonferma b’serjetà l-eżiġenza u l-urġenza li l-poplu Malti u Għawdxi għandu sabiex ikollu l-aktar arja nadifa possibbli.

Kien ghalhekk li fl-aħħar ġimgħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li Gvern Nazzjonalista jemmen ħafna fil-potenzjal tal-karozzi elettriċi u għaldaqstant jagħmilha prijorità li l-Istat jirrikonoxxi lil min jinvesti f’tali vetturi – fosthom night tarrif serja u ġenwina.

Bernard Grech insista li preżentament hawn skema tal-Enemalta biex min għandu karozza elettrika, jista’ japplika għal dik li suppost hija rata preferenzjali matul il-lejl ….iżda fil-verità ma hija rata ta’ bil-lejl xejn. Dan għaliex b’13ċ għal kull unit li tuża’ biex tiċċarġja l-karozza tiegħek, qed tispiċċa tħallas ogħla mill-irħas tariffa ta’ matul il-ġurnata. 

Huwa saħaq li Gvern Nazzjonalista kommess li jraħħas it-tariffa ta’ matul il-lejl għall-karozzi elettrici b’20%.