Lokali Qorti

Aġent tal-propjetà kundannat erba’ snin ħabs fuq serq ta’ ġojjelli

Matthew Camilleri ta’ 33 sena, aġent tal-propjetà, ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li nstab ħati li seraq ġojjelli u oġġetti oħra minn appartament ta’ anzjani f’Attard.

L-Ispettur Mario Xiberras qal fil-Qorti li spjega li fl-14 ta’ Frar 2019 għall-ħabta tas-sebgha tas-7.00pm. il-vittma Carmelo Caruana kien għamel
rapport fl-Għassa tal-Pulizija li kienet seħħet serqa mir-residenza tiegħu
fi Triq l-Imdina.

Huwa kien rrapporta li sab sgass fil-bieb tal-komun u tal-bieb tal-appartament fejn jirrisjedi. Huwa u martu kien ħargu għall-habta tas-6.00pm u rritornaw lura d-dar siegħa wara.

Kienu nsterqulu flus kontanti, ‘cheque books’, kartiera u ‘handbags’ u anke gojjellerija. Bħala flus kontanti indika li kellu madwar € 600) filwaqt li l-valur tal-ġojjellerija kien ta’ €500.

L-Ispettur kompla jispjega li l-Pulizija ġabret filmati tas-CCTV fl-inħawi.
Mill-istess filmati deher persuna nieħel minn karozza SUV sewda. Huwa deher idur fl-akkwati. Wara li ħarġu l-koppja Caruana huwa daħal ġewwa l-blokka fejn jirrisjedu.

Huwa deher dieħel mill-bieb tal-komun peress li hemm bozza bis-sensor li xegħlet hekk kif din il-persuna resqet lejn il-bieb. Huwa dam ġewwa 20 minuta u imbagħad deher hiereg b’basket. In konnessjoni ma’ dan il-każ ġie arrestat l-imputat.

Camilleri ċaħad li kellu xi nvolviment. Madanankollu, il-Pulizija stabbilew wkoll li l-mobile tiegħu kien fl-akkwati ta’ fejn seħħet is-serqa. Ix-xhud temm jgħid li kienet wkoll saret ‘ID parade’ fejn il-vittma Rosaria Caruana indikat lill-imputat bħala l-persuna li hija kienet ratu fl-akkwati dakinhar tal-każ.

Ġara kienet indikat lill-istess imputat bħala l-persuna li kienet rat fil-komun tal-flattijiet. L-Ispettur ikkonferma li fil-‘footages’ ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ data u ħin.

L-Ispettur Xiberras ikkonferma li qabel ma sar l-arrest ta’ Matthew
Camilleri kienu wrew xi ritratti lill-vittma. Meta imbagħad kellem lil Matthew Camilleri, huwa kien indikalu li kienu ġabu l-vittmi fl-uffiċċju tiegħu.

Carmelo Caruana xehed li dak inhar kienu ħarġu sabiex jiġbru lin-neputija mill-Muzew. Waqt li kienu d-dar ta’ binthom, it-tifel ta’ oħt il-mara tiegħu
ċempel lit-tifla tagħhom biex jgħidilha li kienu daħlulhom id-dar.

Caruana kompla li huwa mar mill-ewwel id-dar tiegħu u x’ħin daħal id-dar sab kullimkien mixgħul u imqalleb. Is-serratura tal-bieb tiegħu kienet
imkissra. Tenna li jikkalkula li kienu ħadulhom b’€ 5,000 barra l-ħsarat li soffrew u l-ispejjeż li kellhom jaghmlu.

Il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud ikkunsidra li l-imputat huwa riċediv u qal li xorta baqa’ jagħżel il-ħajja ta’ kriminalità, każ wara l-ieħor u għalhekk qal li ma jifdallux triq oħra ħlief li jimponi sentenza ta’ ħabs.

Qal li mal-kriminali barra li jbatu l-vittmi jbatu wkoll il-familjari li jagħmlu minn kollox biex ma jarawx lil uliedhom ikomplu jaqgħu fiċ-ċirku vizzjuż tal-kriminalità. Minbarra sentenza ta’ ħabs il-Qorti, u ordnatlu jħallas €1,529 fi spejjeż relatati ma’ esperti tal-Qorti.