Maria Deguara, PN
Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara sostniet li quddiem il-mod kif qed jiżviluppa s-settur tal-anzjani u d-dar tal-Gvern u tal-privat fejn dawn ikunu rikoverati, il-pajjiż jeħtieġ li jħejji pjan fit-tul.
Fl-Aġġornamnet tal-parlament Maria Deguara qalet li żgur li s-sena 2020 ma kinietx waħda faċli għall-anzjani tagħna. Dak li ġie fuqna f’Marzu li għadda kien jidher minn kmieni li ma kinietx se tkun passa ta’ ġimgħa jew tnejn. Konna nafu minn dak li seħħ f’pajjiżi madwarna li t-triq kienet se tkun waħda iebsa u twila u li kellha riperkussjonijiet serji fuq il-popolazjoni kollha imma l-aktar fuq dawk vulnerabbli.
It-teknologija preżenti tal-informatika għenet ħafna biex minkejja numru ta’ restrizzjonijiet imposti bħala prekawzjoni,il-maġġoranza tal-poplu baqgħet tikkomunika.
Ma nistgħux ngħidu l-istess għall-parti l-kbira tal-anzjani li, għax ma kienux ippreparati kif jużaw din it-teknologija, spiċċaw priġunieri f’djarhom. Sabu ruħhom iżolati u maqtugħin għal kollox minn tal-familja, minn ħbiebhom u prattikament mill-qbija tad-dinja. Dan kompla jwassal għal trawma psikoloġika u depressjoni.
Bħala Oppożizzjoni sostnejna l-importanza li l-anzjani jkollhom mezzi adekwati biex jikkomunikaw ma’ dawk kollha li huma għeżież għalihom.
It-teknoloġijatal-lum faċilment tista’ toffri soluzzjoni. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni ssuġġerit lill-Gvern biex minn kmieni jipprovdi wifi jew almenu telefon mingħajr ħlas u għajnuniet oħra biex l-anzjani jitgħalmu malajr kemm jista’ jkun kif jużaw sistemi diġitali ta’ komunikazzjoni. Għaddiet sena qabel il-gvern ma aċċetta s-suġġeriment tagħna u ddeċieda ftit ġimgħat ilu li jvara l-ewwel wifi b’xejn fir-residenza tal-Imtarfa.
Hi qalet varjanti ġodda oħra tal-COVID waslu fostna. Allura jagħmel sens li l-gvern jimbarka fuq kampanja ta’ tagħlim fl-informatika biex l-anzjani ma jerġgħux jiffaċċjaw s-solitudini u l-iżolament li għaddew minnu.
Maria Deguara li apparti miċ-ċaħda fiżika minn qrabathom spiċċaw lanqas jistgħu jirċevu ikel jew ilbies minn għandhom biex jevitaw kuntatt li jista’ jwassal biex tinfirex il-pandemija.
L-anzjani u qrabathom però isibuha diffiċili jaċċettaw dan meta jaraw membri tal-istaff ħerġin u oħrajn li jipprovdu servizzi deħlin jittraffikaw mingħajr ma jbiddlu ħwejjiġhom u jġibu l-ikel magħhom. Ikel ippreparat mill-qraba ta’ anzjani u msajjar frisk u mwassal issiġillat sew, hu żgur sigur daqs l-ikel li jwassal il-kuntrattur. Dak li ħabbar il-Ministru illum fejn se jiġu rilaxxati numru ta’ miżuri fir-residenzi huwa xaqq ta’ dawl ġdid u jawgura li s-sitwazzjoni tinbidel favur l-anzjani u l-familji tagħhom.
Tbatija oħra li l-anzjani qed jiffaċċjaw hu n-nuqqas ta’ servizzi li kienu mdorrijin jirċievu miċ-ċentri tas-saħħa jew mill-isptar.
Bħala Oppożizzjoni nissuġġerixxu li servizzi bħal dawk ta’ fiżjoterapija, podoloġija, servizz ta’ dentistrija, speech therapy u outpatient followups jistgħu jibdew jitwasslu anke b’mod limitat fid-djar u reżidenzi għal anzjani.
Qed nissuġġerixxu ukoll li hemm bżonn urġenti li minħabba l-effetti negettivi tal-pandemija fuq is-saħħa mentali tal-anzjan, li jibdew jiġu provduti servizzi ġodda fir-residenzi bħal support psikoloġiku fost oħrajn, lil dawk l-aktar affettwati.
Ma jidhrilniex lanqas li biżżejjed li minflok pazjenti jattendu l-isptar għal followup, qed jiriċevu telefonata mill-isptar biex jistaqsuhom kif sejrin u jekk il-pazjent jirrispondi li hu jħossu tajjeb jingħata appuntament aktar fit-tul. Xorta waħda minkejja ċ-ċirkostanzi attwali, dan l-aġir fejn jidħol mard kroniku ma hux aċċettabbli u jista’ jkun ta’ perikolu serju.
Il-wasla tant mistennija tal-vaċċin, bit-tama li nistabbilixxu herd immunity fl-iqsar żmien, flimkien ma’ prekawzjonijiet rakkomandati mis-saħħa pubblika, offrew tama ġdida biex noħorġu minn din il-pandemijja, għalkemm in-numru ta’ każi ġodda ma tantx qed iserraħ l-imħuħ. Donnu li aċċettajna li numru ta’ każi ġodda li ta’ kuljum jaqbżu il-mija u ħamsin saru ħaġa aċċettabbli.
Għall-professjoni medika din iċ-ċifra hija indikatur ta’ l-ineffiċjenza tal-infurzar tal-miżuri li qegħdin jiġu mplimentati. Tajjeb li tnieda programm ta’ min għandu jitlaqqam skont il-priorità. Però hemm bżonn niftakru li hemm persuni vulnerabbli li jaqgħu barra mill-kriterji li mixjin fuqhom. Essenzjali ukoll li l-vaċċin jingħata fl-iqsar żmien possibbli lil akbar numru però ma jagħmilx sens naraw kjuwijiet twal ta’ persuni marsusin ma’ xulxin jistennew biex jieħdu l-vaċċin.
Tajjeb li issa l-gvern aċċetta l-istedina tat-tobba fil-privat li mill-ewwel offrew is-servizzi tagħhom biex il-vaċċin jingħata malajr u lil numru akbar ta’ persuni. Forsi ikun aħjar li l-gvern min issa jispjeġa u jinforma lit-tobba bil-protokolli tat-tqassim tal-vaċċin qabel ma dawn jintalbu japplikaw.
L-Oppożizzjoni ilha snin tisħaq li l-istandards fir-reżidenzi tal-Istat u tal-privat jeħtieġu bidla u riforma radikali. Għal darba oħra l-gvern ħela seba’ snin jaħsibha biex fl-aħħar ġie fi kliemna u beda jiċċaqlaq.
Maria Deguara qalet li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq li jeħtieġ ninċentivaw aktar żgħażagħ Maltin lejn il-caring professions għaliex qed niddependu fuq ħaddiema barranin.
L-aħbar li numru ta’ infermiera barranin qed iħallu xtutna biex imorru jaħdmu f’pajjiżi oħra qajmet paniku sħiħ. Din is-sitwazzjoni prekarja titlob attenzjoni immedjata għax tista’ twassal biex nibdew naċċettaw standards aktar baxxi minn dawk li mdorrijjin bihom.
Operaturi ta’ residenzi fil-privat ukoll qed isibuha dejjem aktar diffiċili jinpjegaw infermiera u carers li jkunu kapaċi jikkomunikaw bil-Malti jew bl-Ingliż minkejja li l-istandards jeżiġu dan.
Hi semmiet il-kontribut kbir li l-Knisja qed tagti fejn jidħlu l-anzjani. Il-Knisja ma tagħmilx dan għall-profitt anzi qed issofri telf finanzjarju. Minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet, il-parti l-kbira tal-ħaddiema fid-djar tal-Knisja huma impjeġati u jirrikjedu spiża sostanzjali f’pagi. Jekk il-Gvern mhux se jissussidja d-djar tal-Knisja sew finanzjarjament u b’żieda ta’ servizzi, dawn ma jistgħux ikomplu bil-ħidma tagħhom u l-Gvern jispiċċa jkollu jerfa’ piż akbar.
Sew il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jaqblu mal-kunċett tal-public private partnership. Din hija t-triq ‘il quddiem u r-rieda tas-settur privat li jipparteċipa tixhed is-suċċess ta’ dan il-kunċett li welled il-PN.
Mingħajr din il-kollaborazzjoni se jkun dejjem aktar diffiċli li nlaħħqu mad-domanda li mistennija tibqa’ tikber aktar ma’ jikber in-numru tal-anzjani fostna.
//= $special ?>