Internazzjonali

Covid-19: L-ewwel pass importanti ‘il quddiem fid-distribuzzjoni xierqa tal-vaċċini taħt l-iskema tal-Covax

L-iskema tal-Covax – inizjattiva għad-distribuzzjoni xierqa tal-vaċċini kontra l-Coronavirus fuq livell globali – għamet l-ewwel pass importanti ‘il quddiem, bil-Ghana tkun l-ewwel pajjiż li ngħata dawn il-vaċċini grazzi għal din l-inizjattiva.

Il-programm tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed jaħseb fuq kollox biex il-vaċċini jitqassmu b’mod ugwali fost il-pajjiżi, bil-Covax tibbaża fuq impenn biex madwar żewġ biljun doża tal-vaċċini jitwasslu lill-Istati sal-aħħar tas-sena.

Fl-aħħar sigħat, madwar 600,000 doża tal-vaċċini kontra l-Covid-19 prodotti minn AstraZeneca u l-Università ta’ Oxford twasslu f’Accra, il-kapitali tal-Ghana. Fl-istess ħin, il-WHO u l-United Nations Children’s Fund (UNICEF) fissru l-okkażjoni bħala waħda ‘sinifikanti u storika’.

Il-kelliema qalu li l-wasla tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 fil-Ghana timmarka żvilupp kritiku fl-impenn tad-dinja biex tikkontrolla l-pandemija.

Dan meta l-Ghana reġistrat aktar minn 80,700 każ tal-coronavirus u qrib is-600 mewta relatata mindu bdiet il-pandemija – bil-WHO u l-UNICEF jgħidu li l-kunsinna tal-vaċċini li twasslu lill-pajjiż jirrappreżentaw ‘parti mill-ewwel mewġa ta’ vaċċini kontra l-coronavirus li jinsabu fi triqthom lejn il-pajjiżi bi dħul medju jew baxx’.

Sallum kien hemm sitwazzjoni fejn il-pajjiżi sinjuri setgħu jixtru ħafna aktar tilqim għal kontra l-Covid-19 mill-pajjiżi l-foqra.

L-iskema tal-Covax twaqqfet mill-WHO flimkien mal-Alleanza ‘Gavi’ għall-Vaċċini u l-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet li Jħejju (lill-Pajjiżi) għall-Epidemiji (CEPI). L-iskop wara dan kien biex il-pajjiżi l-foqra ma jispiċċawx ‘fl-aħħarnett tal-kju ta’ pajjiżi’ li jkunu qed jistennew għall-vaċċini kruċjali.

Il-programm hu mfassal b’mod li l-pajjiżi sinjuri li qed jixtru l-vaċċini jaqblu biex jgħinu ħalli jiffinanzjaw ‘l-aċċess tal-Istati l-foqra għall-vaċċini’.

Hu ittamat li ‘il fuq minn żewġ biljun doża tal-vaċċini jitwasslu lin-nies f’190 pajjiż f’anqas minn sena. Xejn anqas importanti hu l-impenn biex mat-92 pajjiżi foqra jkollhom aċċess għall-vaċċini fl-istess żmien bħal 98 pajjiżi oħra aktar sinjuri.

Il-parti kbira tal-pajjiżi Afrikani se jibbenefikaw mill-iskema iżda hemm ukoll pajjiżi bħas-Senegal li qed jippjanaw biex jiksbu l-vaċċini b’mezzi oħra li mhumiex irrelatati mal-inizjattiva.

L-Iskema tal-Covax s’issa iġġenerat ‘il fuq minn 4.3 biljun ewro iżda teħtieġ talanqas 1.5 biljuni oħra biex tilħaq il-miri tagħha għall-2021.