Lokali

AĠĠORNATA: Tlieta mill-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom… Degiorgio ma jwiġibx

L-aħħar aġġornamenti mill-Qorti

23.27: L-erba’ akkużati ttieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid.

23.26: L-erba’ akkużati qed jiġu skortati ‘l barra mill-Qorti f’sigurtà massima.

23.18: George Degiorgio ma wieġeb għall-ebda domanda li saritlu. Madankollu għal finijiet tal-liġi, xorta waħda tfisser li huwa qed ifisser li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

23.15: Jamie Vella wkoll wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni talbet sabiex ikun hemm ordni tal-iffriżar tal-assi. Il-Qorti laqgħet din it-talba. Id-difiża m’għamlitx talba għal-libertà proviżorja,

23.14: L-aħwa Adrian u Robert Agius wieġbu mhux ħajta tal-akkużi miġjuba kontrihom għall-involvilment fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop kif ukoll li ssuppixxew il-bomba li swiet il-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

23.05: Għall-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar u Jamie Vella qed jidhru l-Avukat Alfred Abela u Rene’ Darmanin filwaqt li għal George Degiorgio qed jidher Dr Cuschieri. Dr George Camilleri qed jirrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Prosekuzzjoni hija mmexija wkoll mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri.

22.57: Wieħed mill-akkużati huwa George Degiorgio li ma wasalx mat-3 akkużati l-oħra – l-aħwa Agius u Jamie Vella.

22.54: Wieħed mill-akkużati deher iqum jitkellem mal-Avukat tiegħu. Is-seduta għadha ma bdietx.

22.52: Netnews jista’ jikkonferma li l-investigazzjonijiet dwar il-każijiet rispettivi għadhom attivi.

22.50: L-erba’ akkuzati waslu fl-awla 22 fejn din ftit ftit qed tintela’. Jasal ukoll is-Supretendent Keith Arnaud u Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukati tal-Parte Civile u l-qraba tal-Daphne Caruana Galizia.

22.40: Jaslu l-erba’ akkużati fit-triq tan-naħa ta’ wara tal-Qorti.

22.39: Preżenża qawwija ta’ uffiċjali tal-Puliżija u karozzi, b’uħud mill-persuni jinsabu liebsin ilbies prottetiv peress li wieħed mill-akkużati huwa pożittiv għall-Covid-19.

22.25: Il-Qorti fetħet għall-ħabta tal-10.15pm. Bdew jaslu numru ta’ ġurnalisti kif ukoll il-Maġistrat Victor Axiak li deher jasal u jidħol fil-Qorti.  Il-pulizija diġa għalqu t-triq tan-naħa ta’ wara tal-Qorti miż-żewġ naħat, b’membri tal-midja qegħdin wara l-barrikati sabiex jirraportaw l-wasla tal-erba’ persuni li ser ikunu akkużati b’rabta maż-żewg delitti.

22.11: Jasal quddiem il-binja tal-Qorti, il-Maġistrat Victor Axiak, li quddiemu se jitressqu l-erba’ akkużati.

22.10: Il-ġurnalisti bdew jinġabru quddiem il-Qorti, iżda ftit tal-minuti wara, il-media ntalbet tersaq lura.

Ghall-ħabta tal-10.30pm fuq Net TV u fuq Facebook ser ikun qed jixxandar programm live minn quddiem il-Qorti, hekk kif ser ikunu qegħdin jitressqu 4 persuni quddiem il-Maġistrat Victor Axiak. Dan fir-rigward tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop.