Internazzjonali

Ġermanja: Eks-aġent tas-Sirja kundannat fi proċess storiku li kien jitratta t-tortura

Qorti fil-belt ta’ Koblenz ikkundannat lil eks uffiċjal tas-servizzi sigrieti Sirjani għal erba snin u nofs ħabs dwar kumpliċità f’reati kontra l-umanità.

Eyad al-Gharib, ta’ 44 sena, instab ħati li, fl-2011, għen għall-arrest ta’ dimostranti  li aktar tard spiċċaw ittorturati u maqtula fis-Sirja.

Il-proċess hu wieħed storiku għaliex hu l-ewwel wieħed li kien qed jitratta allegati atroċitajiet (tortura) mwettqa mir-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad. Sadanittant, għadu għaddej proċess tal-qorti simili għal Sirjan ieħor bl-isem Anwar Raslan.

Eyad al-Gharib u Anwar Aslan kienu ħarbu mill-gwerra ċivili tas-Sirja u ngħataw il-kenn politiku fil-Ġermanja. Intant, dawn iż-żewġ Sirjani spiċċaw arrestati fl-2019.

Il-prosekuturi Ġermaniżi ibbażaw il-każ tagħhom fuq il-prinċipju ta’ ‘ġurisdizzjoni universali’ li permettielhom biex iressqu l-akkużi relati ma’ ‘reati mill-aktar gravi’.

Waqt il-proċess, l-avukati tad-difiża argumentaw li al-Gharib u Anwar Aslan kienu ngħataw ‘direttivi speċifiċi’ biex iwettqu l-allegati reati u li huma beżgħu ‘mill-pieni dovuti f’sitwazzjoni fejn (huma) ma kellhomx jirrispettaw l-ordnijiet minn fuq’.

Madankollu, l-aġenzija li magħha kienu involuti l-imputati kellha rwol kruċjali fil-kampanja vjolenti għat-trażżin tal-azzjonijiet demokratiċi mid-dimostranti li, fl-2011, ħarġu jipprotestaw fis-Sirja kontra r-reġim ta’ Bashar al-Assad.