Coronavirus Saħħa

Il-bars u l-każini se jibqgħu magħluqin għal xahar ieħor

Rilassati l-miżuri fid-Djar tal-Anzjani

Il-bars u l-każini se jibqgħu magħluqin għal xahar ieħor, filwaqt li issa r-ristoranti jistgħu jibqgħu miftuħin sa nofsillejl.

F’konferenza tal-Aħbarijiet, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar ukoll li fid-Djar tal-Anzjani fejn ikunu tlaqqmu iktar minn 90% tar-residenti…. se jiġu mneħħija ċertu miżuri. Dan għaliex fl-aħħar jiem kien naqas l-ammont ta’ anzjani li kellhom bżonn jidħlu l-Isptar għall-kura.

Fearne spjega wkoll li t-tilqima tal-Astra Zeneca issa ġie konfermat li tista’ tingħata lil persuni taħt il-65 sena.

U hekk kif ta’ kuljum qed ikomplu jiżdiedu l-każi ġodda pożittivi, Chris Fearne ħabbar li qed jiżdiedu wkoll l-każi pożittivi tal-varjant tar-Renju Unit hekk kif dawn issa jammontaw għal 8% tal-każi pożittivi… li jlaħħqu 61 każ.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar it-tħassib tal-pubbliku rigward il-kjuwijiet twal ta’ nies li inġabru fl-Isptar Mater Dei sabiex jieħdu l-vaċċin, Chris Fearne ammetta li seta’ sar ippjanar aħjar.