Lokali Saħħa

Il-Gvern jeħtieġ jieqaf iwebbes rasu mal-ħaddiema tas-saħħa sabiex ma jibqgħux ibatu l-pazjenti – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li ħamest ijiem wara li tħabbru l-azzjonijiet industrijali mill-UĦM Voice of the Workers fis-settur tas-saħħa li qed jaffetwaw iktar minn 1,300 ħaddiem u l-familji tagħhom, u minn meta l-PN offra li jkun medjatur f’din it-tilwima, l-Gvern Laburista għadu ma jridx jisma’.

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Taħriġ, Kompetittività u Intrapriża Jason Azzopardi jinnota diversi rapporti ta’ pazjenti u membri tal-pubbliku li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta’ azzjonijiet li l-ħaddiema kellhom jirrikorru għalihom ghax il-Gvern naqas u qed jibqa’ jonqos milli jindirizza kwistjonijiet li ilhom pendenti għal sena, filwaqt li ma żammx mal-ftehim li ntlaħaq mal-UĦM xhur ilu.

Dan kollu seta’ jiġi evitat u l-PN, filwaqt li jerġa’ jtenni l-offerta tiegħu li jintervjeni bħala medjatur biex jintlaħaq ftehim għall-ġid ta’ kulħadd, qed iwiegħed li bi Gvern immexxi minnu, l-unjins se jsibu interlokutur onest, ġenwin u b’impenn li dak li l-Gvern jintrabat mal-unjins li jagħmel, jagħmlu.