Lokali

Il-Ministru tal-Finanzi jagħti raġun lil Partit Nazzjonalista dwar id-defiċit

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li bl-informazzjoni mogħtija lbieraħ fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ta raġun lil Partit Nazzjonalista meta kkonferma li l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna hija ferm aktar imwegħra minn dik li kien ta x’jifhem Robert Abela fil-baġit ta’ Novembru li għadda.


Fil-ġranet ta’ wara l-qari tad-diskors mill-eks Ministru Edward Scicluna, l-Partit Nazzjonalista kien iddikjara minnufiħ li ċ-ċifri dwar id-defiċit ta’ pajjiżna għas-sena 2020 u għas-sena 2021 m’humiex kredibbli u huma bbażata fuq tamiet ottimisti żżejjed li l-ekonomija tkun diġà qed tirkupra sal-aħħar tas-sena li għaddiet u li t-taxxa miġbura fis-sena 2021 se tkun fuq l-istess livell tas-sena 2019. Ir-reazzjoni ta’ Robert Abela kienet waħda ta’
disprezz u fid-diskorsi tiegħu b’replika għall-baġit ipprova jxejjen il-kredibbiltà tal-pożizzjoni meħuda mill-Oppożizzjoni.

Iżda issa l-Ministru tal-Finanzi kellu jmeri lill-Prim Ministru tiegħu stess u jiddikjara li d-defiċit tal-pajjiż għas-sena 2020 se jkun ferm akbar minn dak li ppreveda l-Gvern f’Novembru li għadda, jiġifieri ta’ €1.2 biljun u filwaqt li fil-gimgħat u xhur li ġejjin se jkollu jirrevedi it-tbassir għad-defiċit tal-pajjiż għas-sena 2021, li kien imbassar f’Novembru li għadda li se jlaħħaq mal-€751 miljun.


Mario De Marco, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi għal darb’oħra jfakkar l-appoġġ sħiħ tiegħu għal kull inizjattiva meħuda fil-kuntest ta’ appoġġ għall-familji u negozji b’rabta mal-pandemija u ċertament li kull ewro li ntefaq u għad irid jintefaq għal dan l-għan huwa ġustifikat.


Iżda l-PN jfakkar ukoll li matul dawn it-tmien snin ta’ tmexxija Laburista, n-nefqa rikorrenti tal-Gvern prattikament irdoppjat, u dan wassal biex fi żmien ta’ kriżi sabha impossibbli jżomm ir-riedni tal-pożizzjoni finanzjarja. Il-Gvern għażel li jibqa’ jinjora dan it-tħassib u issa hu, u l-poplu Malti u Għawdxi, se jkollu jħallas il-prezz tan-nuqqas ta’ għaqal fit-tmexxija.